PROĠETTI ESTENSIVI TA’ BINI MILL-ĠDID TA’ TOROQ F’GĦAWDEX
L-ewwel saff ta’ asfalt fit-triq li tgħaqqad lir-Rabat ma’ San Lawrenz li fuqha għaddej xogħol bħalissa se jingħata sa l-aħħar tax-xahar id-dieħel, bil-bqija tax-xogħlijiet meħtieġa fuq l-istess parti tat-triq jitlestew matul ix-xahar ta’ wara. Dan intqal dalgħodu mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex meta żaret ix-xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid li qed isir bħalissa f’din l-arterja prinċipali t’Għawdex.
Il-Ministru Debono qalet li lejn l-aħħar ta’ Settembru se jingħata l-ewwel saff ta’ tarmac magħruf bħala base course minn ħdejn il-monument tal-Papa Ġwanni Pawlu II fin-naħa tar-Rabat sal-junction ta’ Ta’ Pinu, bix-xogħlijiet ta’ tlestija jsegwu matul ix-xahar ta’ Ottubru. Bħalissa jinsabu għaddejjin ix-xogħlijiet marbuta mat-trasferiment tas-servizzi għal ġo kanali mibnija apposta taħt il-livell tat-triq u mat-twessiegħ tal-junction ta’ l-Għasri. Ix-xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid kienu jinvolvu l-iskavar tat-triq preċedenti, it-twessiegħ tat-triq f’partijiet speċifiċi, il-bini ta’ kanali għas-servizzi taħt il-livell tat-triq u l-bini mill-ġdid tat-triq. Il-kanali tas-servizzi nbnew sabiex, sa fejn possibbli, jiġi evitat il-bżonn ta’ skavar tat-triq minħabba xogħol regolari ta’ manutenzjoni.
Il-Ministru Debono qalet li t-triq li tgħaqqad lir-Rabat ma’ San Lawrenz m’hix l-unika triq li fiha l-Gvern qed jinvesti b’mod qawwi. Hija rreferiet għas-sejħa għall-offerti li ħareġ il-Gvern iktar kmieni dan ix-xahar biex, permezz ta’ fondi tal-Ministeru għal Għawdex tinbena mill-ġdid it-triq tar-Ramla fin-Nadur, bix-xogħlijiet mistennija jibdew wara tmiem l-istaġun sajfi. Il-Ministru Debono qalet li dawn iż-żewġ proġetti f’toroq prinċipali, flimkien ma’ proġetti oħra f’toroq oħra arterjali u residenzjali f’Għawdex ser ikomplu jtejbu s-sistema ta’ toroq madwar Għawdex, b’impatt dirett mhux biss fuq il-kwalita’ tal-ħajja f’Għawdex imma wkoll fuq il-prodott turistiku li toffri l-gżira lill-viżitaturi tagħha.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958