Left arrow Go Back

ĦIDMA INTENSIVA F’DIVERSI WIDIEN MADWAR PAJJIŻNA

PR1163
Date Icon 18/08/2006

Xogħlijiet f’Wied ta’ l-Isqof, f’Wied is-Sewda, Wied il-Kbir, Wied Irmiedi, Wied Incita u fiż-Żona taċ-Chadwick Lakes

Il-prevenzjoni mill-għargħar fid-diversi inħawi tal-pajjiż hija priorità għall-Gvern preżenti. Apparti l-proġetti ta’ bini ta’ watercourses, il-Ministeru fix-xhur tas-sajf qed iwettaq ħidma intensiva li tinkludi tindif ta’ widien, tiswija ta’ reċensjonijiet u tiswijiet oħra neċessarji sabiex kull passaġġ ta’ ilma jkun nadif minn kull ostaklu u lest biex jilqa’ l-ilma tax-xita.  Dan qalu l-Ministru, Ninu Zammit, meta kien qed iżur xogħlijiet li qed isiru f’Wied l-Isqof.

Ix-xogħlijiet f’dan il-wied, li jibda minn Tal-Virtù fir-Rabat, kienu jikkonsistu f’tindif sabiex jinfetaħ l-aċċess, kemm għall-passaġġ ta’ l-ilma kif ukoll għall-bdiewa.  Ġew mibnija numru ta’ pontijiet matul il-korsa ta’ l-ilma li, prinċipalment iservu għall-aċċess aħjar għar-raba’ tal-bdiewa, kif ukoll tneħħew ir-rampi preċedenti li kienu qed ikunu ta’ blokk għall-passaġġ ta’ l-ilma.  Il-Ministru Ninu Zammit spjega li barra dawn ix-xogħlijiet qed isiru wkoll xogħlijiet ta’ tindif u tneħħija ta’ materjal mormi illegalment f’Wied is-Sewda u Wied il-Kbir.  Dawn iż-żewġ widien kienu diġà tnaddfu fis-snin li għaddew, iżda bħala parti mill-programm ta’ manutenzjoni annwali dan il-proċess qed ikun wieħed regolari ta’ kull sena.  F’Wied is-Sewda qed isiru wkoll xogħlijiet ta’ tiswija u bini mill-ġdid ta’ reċensjonijiet. Dawn iż-żewġ widien jilqgħu fihom l-ilma li jkun ġej minn żewġ widien oħra li huma Wied Rmiedi u Wied Inċita fejn ukoll qed isiru xi xogħlijiet.  Ix-xogħlijiet jinkludu tindif u tneħħija ta’ materjal akkumulat maż-żmien, kif ukoll bini ta’ kanal li jgħaqqad kanal li kien sar s-sena l-oħra li jibda minn Ta’ Qali u jibqa’ nieżel sa Ħ’Attard.

L-interventi li qed isiru fin-numru kbir ta’ widien f’pajjiżna huwa pprogrammat b’tali mod li l-mgħoddija ta’ l-ilma tkun assigurata li ma jkollha l-ebda xkiel sabiex il-korsi ta’ l-ilma jkunu lesti għax-xitwa.  Għaldaqstant, ix-xogħlijiet qed isiru mhux biss fiċ-ċentru u n-nofsinhar tal-pajjiż iżda wkoll fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, bħalma qed isir fiz-zona tac-Chadwick Lakes.  F’din iz-zona kien waqa’ ħajt li kien parti minn wied li jilqa fih volum kbir ta’ ilma li jkun ġej minn naħa ta’ fuq ta’ Malta.  Wara li jsir it-taħmil neċessarju ser jinbena mill-ġdid il-ħajt u r-reċenzjoni li fuq naħa ser jilqa l-ilma u fuq n-naħa l-oħra se jservi bħala lqugħ għall-ħamrija tar-raba’ tal-madwar.

Il-Ministru Ninu Zammit tenna li, kif ġie spjegat, ta’ kull sena qed isir programm estensiv ta’ manutezjoni u tindif tal-widien. Ir-riżorsi umani fi ħdan il-Ministeru qed ikunu mpenjati bis-sħiħ u l-investiment fil-makkinarju li sar fl-aħħar snin qed jgħin sabiex xogħlijiet ta’ din in-natura jkunu jistgħu jsiru aħjar u b’aktar effiċjenza. 

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fakkar li dawn ix-xogħlijiet ikopru parti mill-programm ħolistiku ta’ proġetti għall-prevenzjoni mill-għargħar u ma’ dawn wieħed irid isemmi x-xogħlijiet li saru u qed isiru fil-Marsa u f’Ħal Qormi u li ser jinbdew fil-bini mill-ġdid ta’ kanal f’Burmarrad.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow