“POŻIZZJONI PERFETTA” GĦAŻ-ŻEWĠ VAPURI LI ĠEW MGĦARRQA FIL-BAJJA TAX-XATT L-AĦMAR
L-mv Karwela u l-mv Cominoland strieħu f’pożizzjoni perfetta f’qiegħ il-baħar, 35 metru ’l isfel mil-livell tal-baħar, fil-bajja tax-Xatt l-Aħmar, wara operazzjoni twila sabiex iż-żewġ vapuri ġew mgħarrqa nhar is-Sibt, bl-involviment ta’ teknika li ntużat għall-ewwel darba f’Malta.
Bugħaddasa li kienu qed jissorveljaw l-operazzjoni ta’ l-għarqa ċċekkjaw il-pożizzjoni tal-vapuri hekk kif niżlu f’qiegħ il-baħar kif ukoll din il-ġimgħa. Huma kkonfermaw li ż-żewġ vapuri niżlu f’”pożizzjoni wieqfa u perfetta” u allura issa nbidlu f’żewġ attrazzjonijiet ta’ taħt il-baħar li mistennija jtejbu bis-sħiħ il-prodott turistiku marbut ma’ l-għadds f’Għawdex.
Is-sit tax-Xatt l-Aħmar intuża minħabba li mhuwiex mogħni b’attrazzjonijiet naturali taħt il-baħar u għaliex huwa kenni mill-ħafna rjiħat li normalment jagħmlu inaċċessibbli ż-żoni popolari tad-Dwejra u Marsalforn.
L-għarqa ta’ dawn iż-żewġ vapuri tifforma parti mill-proġett Niche Tourism for the Island of Gozo, bl-investiment ta’ €1.3 miljun permezz tal-Fondi Strutturali għal Malta 2004-2006, speċifikament permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Minbarra l-għarqa ta’ dawn il-vapuri, il-proġett jinvolvi wkoll it-twaqqif ta’ decompression chamber fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, it-twettieq ta’ master plan għal dan is-settur u t-twettieq ta’ kampanja pubbliċitarja barra minn Malta biex tirreklama lil Għawdex bħala destinazzjoni għall-għadds fil-media internazzjonali. L-elementi kollha tal-proġett se jiġu fi tmiemhom sa l-aħħar ta’ din is-sena.Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958