SUMMER ON THE MOVE – PROGRAMM SPORTIV TAL-KUNSILL MALTI GĦALL-ISPORT
Bħalissa qed jiġi organizzat il-programm ta’ attivitajiet sportivi ‘Summer on the Move’ tal-Kunsill Malti għall-iSport (KMS). Il-programm li fih qed jipparteċipaw aktar minn 300 persuna hu maħsub għal tfal u żgħażagħ biex tul ix-xhur tas-sajf jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi bħall-għawm, ibburdjar u oħrajn.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea żar il-Vikings Sailing Club li għal darb’ oħra qed jmexxi l-programm ta' l-Ibburdjar (Sailing) għall-KMS. 'Il fuq minn 50 tifel u tifla bejn 10 snin u sittax-il sena qed jippartecipaw f'din l-iskema fejn it-taħriġ fuq id-dgħajjes tal-qlugħ isir mit-Tnejn sa l-Erbgħa mit-8.30 ta’ filgħodu san-nofs siegħa.
It-tfal li jattendu mhux biss jiġu mgħallma kif isuqu dawn id-dgħajjes bil-qlugħ, iżda jiġu mħarrġa f'dak kollu li għandu x'jaqsam mal-baħar inkluż tagħrif dwar regolamenti tal-baħar.
L-uffiċjali tal-Vikings Sailing Club irringrazzjaw lill-Ministru għall-għajnuna li qed jagħtihom meta poġġa għad-disposizzjoni tal-Klabb il-faċilitajiet ta’ l-iskola nawtika fil-Floriana li hi uzata wkoll mill-Istitut Marittimu ta’ l-MCAST. Dawn il-faċilitajiet huma idejali għal taħriġ fl-isport ta’ l-ibburdjar. Il-Vikings Sailing Club twaqqaf fl-1984 u hu wieħed mill-Klabbs l-aktar organizzati b’numru sabiħ ta’ familji li huma membri.
Il-Ministru Galea, li hu responsabbli għall-isports, irringrazzja lill-Kumitat tal-Klabb għas-sehem tagħhom fil-programm tal-KMS li jħarreġ tfal u żgħażagħ fl-isport ta’ l-ibburdjar. Huwa qal li l-Gvern japprezza ħafna l-ħidma ta’ dawn il-klabbs u ta’ l-entużjażmu kbir tagħhom biex imexxu ’l quddiem din id-dixxiplina sportiva. Il-Ministru ddiskuta l-iżvilupp intern li l-Klabb diġa` wettaq fil-bini li l-Gvern silifhom kif ukoll il-pjanijiet għall-iżvilupp futur.
Il-ġimgħa d-dieħla bejn it-18 u l-20 t'Awissu, dawn l-istudenti ser jipparteċipaw ukoll f'maratona ta' 50 siegħa sailing li ser tiġi organizzata mill-Vikings Sailing Club fejn il-fondi kollha li se jinġabru ser imorru għall-Multiple Sclerosis Society. Il-pubbliku huwa mistieden biex jattendi, jagħti donazzjoni u jmur dawra fil-port ta' Marsamxett fuq id-dinghies misjuqa mill-instructors u nies oħra t'esperjenza.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958