IL-ĠENITURI HUMA KRUĊJALI FL-IŻVILUPP EDUKATTIV
Waqt attività ta’ Skolasajf fl-iskola primarja ta’ Ħaż-Żabbar, fejn kien qed jiġi ċċelebrat jum dwar il-ħarsien ta’ l-annimali, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea appella lill-bosta ġenituri preżenti biex ikomplu jappoġġjaw lill-uliedhom fl-edukazzjoni tagħhom, biex jieħdu aktar interess u rwol attiv fl-attivitajiet fl-iskola u biex jikkunsidraw l-investiment fl-edukazzjoni bħala l-aħjar senduq li jistgħu jħallu lil uliedhom.
Huwa spjega li l-Gvern għaraf li l-Edukazzjoni hi l-aħjar investiment li jista’ jwettaq fil-poplu Malti u qed iwettaq riforma biex titjieb il-kwalità ta’ l-esperjenza edukattiva u fl-istess ħin qed jinvesti bil-qawwi fid-diversi saffi ta’ l-edukazzjoni.
Il-Ministru qal dan waqt attivita’ favur il-ħarsien ta’ l-annimanli li saret fl-iskola primarja ta’ Ħaż-Żabbar kif ukoll fiċ-ċentri kollha ta’ skola sajf madwar Malta u Għawdex. F’dan il-jum jitħejjew attivitajiet għat-tfal u l-ġenituri tagħhom dwar l-imħabba għall-annimali u l-bżonn li dawn ma jinħaqrux. Il-Ministru Galea qal li ir-rispett lejn l-annimali u l-ambjent hu dmir ta’ kull wieħed u waħda minnha u filwaqt li t-tfal jiġu mgħallma jirrispettaw l-ambjent u l-annimali, dan ir-rispett m’għandux jispiċċa meta nsiru adulti. Louis Galea qal li r-rispett li nuru lejn l-ambjent ta’ madwarna u lejn ħlejjaq oħra juri kemm inkunu evoluti bħala bnedmin filwaqt li dan in-nuqqas ta’ rispett juri kemm inkunu għadna lura fl-iżvilupp soċjali tagħna.
Għal din l-attività attendew numru kbir ta’ ġenituri tat-tfal li qed jattendu l-programm ta’ skola sajf għal din is-sena. Louis Galea tkellem mal-ġenituri dwar ir-riforma fil-qasam edukattiv u spjega kif fis-sena li għaddiet sar esperiment bi tlett kulleġġi fejn ġew reġistrati ħafna żviluppi pożittivi ferm.
Hu spjega kif it-tranżizzjoni bejn il-livell primarju u dak sekondarju qed issir b’anqas skossi u b’mod li l-iskejjel sekondarji jkunu jafu ferm aktar dwar l-istudenti li se jidħlu fl-iskola tagħhom fis-sena skolastika li jmiss u l-istudenti jkollhom idea aktar ċara ta’ fejn se jmorru.
Huwa sostna li hekk kif il-kulleġġi jissaħħu u jsiru aktar awtonomi, il-ġenituri se jkollhom rwol aktar importanti biex flimkien mal-kapijiet ta’ l-iskejjel u l-għalliema jmexxu l-kulleġġ ta’ skejjel ’il quddiem. Il-Ministru Galea qal li s-sena skolastika li jmiss l-iskejjel kollha tal-Gvern se jiġu minsuġa f’networks biex ilkoll jibdew jaħsdu l-frott li jiġi minn ko-operazzjoni tajba bejn l-iskejjel.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958