Left arrow Go Back

KOLLABORAZZJONI BEJN L-MCAST U L-UNIVERSITÀ

PR1140
Date Icon 09/08/2006

Bħalissa 100 student li qed isegwu l-ewwel sena tal-kors ta’ l-Inġinerija fl-Università ta’ Malta qed jużaw il-faċilitajiet ta’ l-MCAST għal taħriġ bażiku bħala parti integrali mill-kors li qed isegwu.  L-istudenti qed jużaw il-workshops tal-mekkanika, elettriku u elettronika kif ukoll l-Auto Lab - laboratorju ta’ l-inġinerija marbuta mal-karozzi, li l-MCAST inawgura din is-sena akkademika wara li nkisbu fondi mill-Fond Reġjonali Europew għall-Iżvilupp (ERDF) ta’ l-Unjoni Ewropea.  Il-Laboratorju sar b’investiment mill-Gvern ta’ madwar kwart ta’ miljun Ewro b’teknoloġija mill-aktar avvanzata għat-taħriġ fil-qasam ta’ l-Inġinerija awtomobilistika. 

Il-Laboratorju hu mgħammar bl-aħħar teknoloġija fit-taħriġ f’dan il-qasam u jinkludi 20 kompjuter għall-istudenti u master komputer għal-lecturers, network u internet, sistema awdjoviżwali, simulaturi u repliki ta’ partijiet tal-magna u tal-karozzi li fuqhom jistgħu jaħdmu l-istudenti kif ukoll materjal edukattiv.  F’dan il-laboratorju jista’ jsir xogħol individwali jew fi gruppi u l-apparat jaħseb għal-livelli differenti ta’ l-istudji u taħriġ ta’ l-istudenti.

Dan il-laboratorju hu proġett wieħed biss minn diversi li wettaq il-Gvern fl-MCAST permezz ta’ fondi ta’ l-ERDF.  Proġetti oħrajn jinkludu t-tkabbir u l-immodernizzar tal-librerija u ċentru għar-riżorsi li għandu l-MCAST fil-Campus ewlieni; il-bini l-ġdid li fih se jiġi trasferit l-Istitut għall-Kura fil-Kommunità; Child Care Centre ġdid, u workshops ġodda tal-welding and fabrication u ta’ l-electrical installation fiċ-ċentru ta’ l-MCAST f’Għawdex.  Kull proġett jaħseb mhux biss għall-bini u xogħlijiet strutturali, iżda wkoll biex il-faċilitajiet jiġu mgħammra b’dak kollhu li jkollhom bżonn.

Waqt iż-żjara tiegħu l-Ministru kien akkumpanjat mill-President tal-Bord tal-Gvernaturi ta’ l-MCAST, is-Sur Paul Attard u l-Principal tal-Kulleġġ is-Sur Frank Edwards, kif ukoll mir-Rettur ta’ l-Università l-Professur Juanito Camilleri.  Il-Ministru spjega kif l-MCAST u l-Università qed jikkollaboraw flimkien fil-qasam ta’ l-inġinerija biex iż-żewġ istituzzjonijiet u l-istudenti tagħhom igawdu mir-riżorsi vasti u kumplimentari li għandhom iż-żewġ naħat.  Louis Galea qal li f’pajjiż żgħir bħal tagħna ma jagħmlix sens li jkun hawn ħafna duplikazzjoni tar-riżorsi u permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, ir-riżorsi li għandna jistgħu jiġu użati aħjar u jiġu liberati fondi li jistgħu jintużaw biex niżviluppaw u nkattru r-riżorsi. 

Is-Sur Frank Edwards spjega kif bħalissa 100 student ta’ l-Università li qed isegwu korsijiet ta’ l-Inġinerija qed jagħmlu programm ta’ taħriġ ta’ sitt ġimgħat fl-MCAST peress li dan għandu faċilitajiet tajbin u lecturers kapaċi li joffru dan it-taħriġ.  Is-Sur Edwards qal li l-MCAST għandha ħafna x’toffri kemm lill-Università u lil istituzzjonijiet oħrajn edukattivi u ta’ taħriġ kif ukoll lill-industrija u fl-istess ħin il-Kulleġġ u l-istudenti tiegħu jistgħu jiggwadanjaw ħafna b’kollaborazzjoni tajba f’dawn l-istess oqsma.  Is-Sur Edwards semma wkoll kif bħalissa il-Lufthansa Technik qed tuża l-faċilitajiet ta’ l-MCAST għat-taħriġ tal-ħaddiema tagħha u dan hu parti mill-fteħim ta’ kollaborazzjoni li l-MCAST għandu ma’ din il-kumpanija.

Ir-Rettur ta’ l-Università il-Prof. Juanito Camilleri qal li kemm ilu mwaqqaf, l-MCAST żviluppa b’rata mgħaġġla u ssaħħaħ b’mod li llum ilkoll nirrikonoxxu li l-MCAST hija istituzzjoni importanti ferm mhux biss fil-qasam ta’ l-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja iżda wkoll għall-industrija u l-ekonomija tal-pajjiż.  Il-Prof. Camilleri qal li pajjiżna hu impenjat li jkattar l-ammont ta’ nies li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom partikolarment fis-suġġetti tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-matematika u ta’ l-inġinerija, kollha oqsma li fuqhom l-MCAST u l-Università jistgħu u għandhom jikkollaboraw bis-sħiħ. 

Ir-Rettur qal li kemm ilu fil-kariga sab ħbiberija u kollaborazzjoni mill-aqwa ma’ l-MCAST u qed isir xogħol bejn iż-żewġ istituzzjonijiet biex din il-kollaborazzjoni tissarraf f’benefiċċi konkreti għall-istudenti.  Hu qal li l-MCAST u l-Università qed iqabblu dak li se jiġi mgħallem fil-kors tal-B.Tech. Higher National Diploma fl-Inġinerija (Mekkanika u Elettrika) ma’ dak li jsir fl-ewwel sentejn tad-Degree li jsir fl-Università, u dan biex fil-futur l-istudenti ta’ l-MCAST ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom fl-Università mingħajr ma jkollhom jirrepetu is-suġġetti li jkunu diġà koprew.   

Il-Ministru qal li l-MCAST u l-Università qed isaħħu l-kollaborazzjoni li hemm bejniethom u spjega kif anke meta saru l-applikazzjonijiet għall-fondi ta’ l-ERDF għas-snin 2007-13, sar eżerċizzju bejn iż-żewġ istituzzjonijiet biex ma jkunx hemm duplikazzjoni tar-riżorsi bil-fteħim li wara li jkunu żviluppati dawn ir-riżorsi, iż-żewġ istituzzjonijiet ikollhom aċċess reċiproku għal dawn ir-riżorsi.  Il-Ministru qal li kemm l-MCAST kif ukoll l-Università se jkunu qed jirċievu miljuni ta’ liri mill-fondi reġjonali (ERDF) u dawn se jmorru biex jitwettqu ma’ l-20 proġett differenti. 

Fl-MCAST hemm proġetti li jinkludu: immodernizzar u titjib tal-laboratorji tal-kompjuters, Contact (Call) Centre training facilities, laboratorju tax-xjenza fl-Istitut tal-Kura fil-Kommunità, Laboratorji ġodda fl-Istitut ta’ l-Inġinerija Elettrika u Elettronika, Laboratorju tal-Lingwi, Apparat għat-Taħriġ fiċ-Ċentru ta’ Għawdex, VRT Lab, proġett għall-aċċessibiltà, Heavy Vehicle/Equipment Training Simulator, u serer komputerizzati fl-Istitut ta’ l-Agrikummerċ f’Malta u f’Għawdex (minn fondi marbutin ma’ l-agrikultura). 

Proġetti fl-Università jinkludu: Materials Testing u Characterisation lab li sa jintuża għat-tagħlim, għar-riċerka kif wkoll biex jingħata servizz tant meħtieġ, lill-industrija lokali; Rapid Prototyping lab; estensjoni tal-Computing Services Building u estensjoni ta’ sular fil-Junior College, “Dan kollu se jkompli jżid il-kapaċità ta’ l-istituzzjonijiet ewlenin tagħna biex jipprovdu taħriġ ta’ l-ogħla kwalità fl-oqsma li pajjiżna tant għandu bżonn biex ikompli jiżviluppa fil-qasam ekonomiku,” temm jgħid Louis Galea.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow