QEGĦDIN ISIRU L-AĦĦAR PREPARAMENTI BIEX LIĊENZA TAN-NEGOZJU MIT-TRADE LICENSING UNIT TINĦAREĠ FI ŻMIEN GĦAXART IJIEM
“Il-Gvern qiegħed ikompli jaħdem biex tonqos il-burokrazija u jżid l-effiċjenzja lejn min qiegħed fin-negozju. Iżjed ma niffaċilitaw in-negozju aktar jinħolqu impjiegi. Il-ħidma lejn inqas burokrazja u aktar efficjenza hija l-mira ewlenija tal-Programm ta’ Ħidma li l-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji ż-Żgħar u s-Self Employed, għadu kif ippubblika, bl-isem “Miftuħa għan-negozju”. Il-Gvern għandu 44 inizjattiva li permezz tagħhom irid jasal biex inaqqas il-burokrazija u jkompli jgħin in-negozji żgħar jaħdmu b’aktar effiċjenza.“ Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem waqt żjara fid-Diviżjoni għall-Kummerċ, li matulha is-Segretarju Parlamentari ltaqa’ ma’ ħaddiema u uffiċjali mill-istess Diviżjoni sabiex jippreżentalhom il-Pjan ta’ Ħidma li ġie ppubblikat ftit aktar minn ġimgħa ilu.
L-Onor. Edwin Vassallo kompla jispjega kif il-Gvern kien ħoloq Dipartiment apposta biex ikun l-għodda li permezz tagħha jkun jista’ jikkomunika u joffri l-għajnuna lis-self employed u sidien ta’ negozji żgħar. Dan id-Dipartiment fi ħdan id-diviżjoni għall-kummerċ illum huwa magħruf bħala s-“Small Business and Crafts Directorate“.
Meta tkellem dwar id-Diviżjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Edwin Vassallo qal li “id-Dipartimenti fi ħdan id-Diviżjoni għall-Kummerċ għandhom ikunu ta’ eżempju għal Dipartimenti oħra fl-għoti ta’ servizz lejn min jersaq biex jinqeda. L-impenn tal-Gvern huwa mifrux mad-Dipartimenti u entijiet kollha u l-ħidma tas-sena li għaddiet, tat prova ta’ kemm il-Gvern qed jaħdem biex jissimplifika l-proċeduri tiegħu biex ikun aktar effiċjenti. Tant hu hekk li tlesta eżerċizzju fejn kull entita’ diġa ippreparat ħidma li permezz tagħha ser tkompli tnaqqas il-burokrazija.
Fis-sena li għaddiet, ħidma li spikkat fit-tnaqqis ta’ proċeduri burokratiċi hija dik li saret mill-Ministeru ta’ l-Intern u l-Ġustizzja fi proċeduri ġodda fil-qrati. Iżjed proċeduri ġew simplifikati permezz ta’ emendi fis-sistemi tal-ħruġ tal-liċenzji, fil-proċeduri tad-Dwana, tal-VAT, l-ETC u l-ADT. Tajjeb li wieħed isemmi wkoll li permezz ta’ l-eżerċizzju ta’ l-impact assessment fil-Kabinett, twaqqfu diversi Avviżi Legali milli jkunu ppubblikati, għaliex kienu kkonsidrati bħala burokratiċi.
F’din is-sena, kif imħabbar fl-istess Pjan ta’ Ħidma, diġa bdiet ħidma biex tnaqqas duplikazzjoni ta’ rwoli li tista’ teżisti, u hekk tonqos id-duplikazzjoni ta’ nfurzar fuq negozji. B’hekk diversi entitajiet huma mistennija li jsiru aktar effiċjenti. Dan huwa l-impenn tal-Gvern, u jrid iwiegħed ħidma li għandha twassal biex il-Gvern inaqqas il-burokrazija u jkun aktar effiċjenti.
L-Onor. Vassallo temm il-messaġġ tiegħu dwar il-ħidma kontra l-burokrazija żejda b’dan il-messaġġ: ”Dan l-impenn ma jistax ikun tal-Gvern biss, jeħtieġ li jkollna mpenn kontra l-burokrazija u żieda fl-effiċjenza wkoll fejn jidħol is-settur privat, fil-business to business ukoll qed inħeġġu li jkun hemm aktar effiċjenza u anqas burokrazija. Hawn irrid insemmi proċeduri ta’ entitajiet kbar bħalma huma l-banek prinċipali, kemm il-BOV kif ukoll l-HSBC, irrivedew il-proċeduri tagħhom u llum f’pajjiżna għandna proċeduri aktar simplifikati għal dak li huwa aċċess għall-Finanzi. Iżda s-simplifikazzjoni tista’ sseħħ ukoll meta negozi żgħar jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-burokrazija ta’ bejniethom. Dan l-impenn ta’ ħidma flimkien li tilħaq ukoll negozji, hija maħsuba wkoll fil-Pjan ta’ Ħidma ‘Miftuħagħan-Negozju.”
L-Onor. Vassallo awgura li l-għaqdiet tan-negozji u entitajiet oħra tal-Gvern jipparteċipaw f’dan l-impenn lejn aktar effiċjenza u anqas burokrazija, u hekk f’Pajjiżna nkunu nistgħu noħolqu aktar impjiegi.
Minn Jannar sa Ġunju ta’ l-2006 fit-Trading Licensing Unit daħlu 1134 applikazzjoni u minnhom ġew maħruġa 773. liċenzja.
Liċenzji maħruġa mit-TLU fl-aħħar 3 snin
Meta wieħed iħares lejn l-aħħar tliett snin minn Jannar sa Ġunju, ġew ipproċessati u nħarġu dawn il-liċenzi:
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958