STQARRIJA MID-DIVIŻJONI TA’ L-EDUKAZZJONI
B’referenza għal rapporti fil-medja fejn issemma li qamet kwistjoni bejn id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u l-Educational Psychologists impjegati magħha, id-Diviżjoni tixtieq tikkjarifika l-fatti:
1. Xi snin ilu, wara sejħa pubblika, numru ta’ għalliema kellhom l-istudji universitarji tagħhom imħallsa mid-Diviżjoni biex jitħarrġu bħala psikoloġisti fil-qasam edukattiv u ntrabtu li jaħdmu bħala psikoloġisti mal-Gvern fil-qasam ta’ l-edukazzjoni. Fil-fatt, wara li ggradwaw, il-persuni kkonċernati ġew impjegati bħala Educational Psychologists mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.
2. Tali ħatra titlob li l-Educational Psychologists jaħdmu ħinijiet normali ta’ l-uffiċċju u mhux ħinijiet ta’ l-għalliema, u dan biex jaqdu l-bżonnijiet ta’ l-istudenti u t-tfal. Unilateralment, l-istess Educational Psychologists iddeċiedew li jaħdmu mal-ħinijiet ta’ l-għalliema, inkluż bil-vaganzi tal-Milied, tal-Għid u tas-sajf, bi ksur tar-regolamenti tal-Gvern. Il-konsegwenza kienet li biex l-istudenti u t-tfal inqdew bis-servizzi tagħhom bosta drabi kellhom bilfors ifallu l-iskola.
3. Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni minn żmien ilu ġibdet l-attenzjoni ta’ l-Educational Psychologists għall-obbligu tagħhom dwar il-ħinijiet tax-xogħol iżda dawn qatt ma rregolarizzaw ruħhom. Hu proprju minħabba dan li d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni ma tistax tibqa’ tittollera aktar sitwazzjoni fejn xi ħaddiema tagħha jiddettaw huma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom. Kull ma qed titlob id-Diviżjoni hu li dawn il-ħaddiema jaħdmu l-ħinijiet skond il-kuntratt tax-xogħol tagħhom.
4. Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni hi u tibqa’ miftuħa għal kull diskussjoni li twassal għal soluzzjoni ġusta dment li l-istudenti ikunu mħarsa. Iżda d-Diviżjoni ma hi lesta qatt taċċetta li xi mpjegati tagħha, professjonisti jew m’humiex, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom unilateralment.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958