POLITIKA U PJAN STRATEĠIKU GĦAT-TURIŻMU
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jirreferi għall-konferenza ta’ l-aħbarijiet li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr. Alfred Sant għamel f’Paceville bit-tema “Nifs ġdid għat-turiżmu bi pjan ta’ ħidma nazzjonali”.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jinnota li ftit tal-jiem ilu l-Ministru Francis Zammit Dimech ħabbar Politika Nazzjonali għat-Turiżmu. Ħabbar ukoll Pjan Strateġiku għat-Turiżmu mill-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta.
Kemm il-Politika Nazzjonali kif ukoll l-Pjan Strateġiku qed jiġu mfassla b’ konsultazzjoni ma’ l-istakeholders fil-qasam turistiku.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura dan l-aħħar ħatar iċ-Chairman ġdid għall-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta. Dan sar wara konsultazzjoni vasta ma’ dawk l-għaqdiet kollha involuti fil-qasam turistiku. Din kienet l-ewwel darba li bħala Chairman tal-MTA inħatar persuna fejn l-ghażla saret mill-istakeholders.
Il-Gvern, konxju li biex nibqgħu kompetittivi rridu nsaħħu l-prodott qed jagħmel ħiltu biex it-turiżmu jimxi ‘l quddiem permezz ta’ ħidma biex aktar kumpanniji ta’ l-ajru jittajru lejn u minn Malta u jżidu r-rotot lejn pajjiżna, biex jitwettqu proġetti infrastrutturali u ta’ tisbiħ u biex ikun hemm aktar infiq għar-reklamar u promozzjoni.
Il-Gvern jemmen li s-settur turistiku hu ta’ kulħadd u li minnu jgawdi kulħadd. Għalhekk iqis li dan is-settur m’għandux ikun materja ta’ kontroversja politika, iżda għandu jiġi ttrattat verament fi sfond nazzjonali.
Dan qed jiġi enfasizzat wara li l-Partit ta’ l-Oppożizzjoni qed iniedi dik li qed isejjaħ politika ġdida nazzjonali dwar it-turiżmu, mhux biss wara li dan il-proċess diġa’ qed isir mil-Gvern u l-MTA, imma anke wara li l-istess Partit kien qal li għandu l-politika ġdida tiegħu dwar it-turiżmu lesta u miġbura f’dokument.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958