Left arrow Go Back

PARTEĊIPAZZJONI FI PROGRAMM TA’ L-UNJONI EWROPEA TWASSAL GĦAL ŻIEDA TA’ ATTIVITA’ KUMMERĊJALI BEJN ARTIĠJANI U IMPRENDITURI MALTIN U SQALLIN

PR1125
Date Icon 04/08/2006

“Il-parteċipazzjoni f’dan il-programm, magħruf bħala MedPot wasslet biex imprendituri, lukandiera, artiġjana u studenti Maltin jiltaqgħu ma’ oħrajn mill-istess settur fi Sqallija, fil-lokalità ta’ Sciacca.  Ir-riżultat ta’ dan il-programm qiegħed jidher fl-immedjat u r-raġuni għal dan hi li dan il-programm, b’differenza minn oħrajn, kien programm iffukat lejn l-iżvilupp ta’ attività turistika li jkollha interess partikolari fuq l-artiġjanat taċ-ċeramika.”  Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, l-Onor. Edwin Vassallo, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet dwar dan il-programm.  Il-parteċipazzjoni ta’ artiġjani u imprendituri Maltin fil-programm ta’ l-Unjoni Ewropea MedPot, wasslet biex:

§                    Hemm il-possibilità ta’ organizzazzjoni ta’ vjaġġi li jippromwovu turiżmu bejn Malta u Sciacca.

§                    Ser tingħata borża ta’ studju għal tliet gimgħat ġo Sqallija wara li jintagħżel l-aħjar disinn għal prodott artiġjanali.

§                    Ser jiġi ppubblikat rapport dwar l-artiġjanat taċ-ċeramika u s-servizzi turistiċi relatati.

§                    Ser jiġi mmanifatturat prodott artiġjanali magħruf bħala ‘La Mediterranea’ bejn ċeramisti Maltin u Sqallin.

§                    Il-lukandiera li qegħdin jieħdu sehem f’dan il-proġett jaqblu li jippromwovu l-prodott ta’ l-artiġjanat fil-lukandi tagħhom.

§                    Studenti Maltin mill-Istitut ta’ l-Arti u Disinn ta’ l-MCAST li pparteċipaw ikunu mfaħħra għall-kapaċitajiet kbar li wrew waqt il-laqgħat li kellhom ma’ studenti oħra.

F’dan il-programm ipparteċipaw 44 persuna, bejn artiġjana, imprendituri fil-qasam turistiku, fosthom sidien ta’ lukandi u aġenziji ta’ l-ivjaġġar u studenti taċ-ċeramika mill-Istitut ta’ l-Arti u d-Disinn ta’ l-MCAST.  Il-parteċipazzjoni fil-programm MedPot saret permezz ta’ kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed; il-Comune di Sciacca; il-Confartigianato Sicilia; is-CNA Sicilia; il-Maltese-Italian Chamber of Commerce;  is-Soċjetà Maltija għall-Arti, Manifattura u Kummerċ u Interreg IIIA Italia – Malta.

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo esprima s-sodisfazzjon tiegħu għar-riżultati li ħarġu minn dan il-programm u qal li “l-programm ġie mirbuħ minn fost kompetizzjoni kbira bil-ħsieb li jiġu ġġenerati mal-100,000 Ewro fi skambji kummerċjali sas-sena 2007.”

Waqt iż-żjara, il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jipparteċipaw f’numru ta’ workshops li kienu interattivi u posittivi ħafna.  Għal dawn il-workshops kien hemm preżenti wkoll rappreżentanti mill-MTA u mill-entitajiet Maltin li kkollaboraw fil-programm.  Kien hemm ukoll numru ta’ parteċipanti Sqallin li kienu preżenti għall-workshops.  L-għan ta’ dawn il-workshops kien li jiġu diskussi l-possibilitajiet ta’ koperazzjoni bejn Malta u Sciacca bil-ħsieb li jiġi ddisinjat pakkett komuni li għandu jattira t-turisti lejn iż-żewġ lokalitajiet.  Dan il-pakkett għandu jgħaqqad t-turiżmu maċ-ċeramika.  Dan il-kunċett għandu jkompli jippromwovi l-Mediterran bħala post ta’ l-artiġjanat taċ-ċeramika.

Il-parteċipanti nqasmu fi tliet workshops ewlenin, wieħed dwar is-settur tat-turiżmu, wieħed dwar is-settur taċ-ċeramika, u wieħed għall-istudenti.  Waqt il-workshop dwar it-turiżmu kien hemm diskussjonijiet dwar il-possibilità li jiġu kkumbinati vjaġġi lejn Malta u Sciacca, kif ukoll ġiet diskussa l-possibilità ta’ rottot ġodda bejn Malta u Sciacca.

Il-workshop għaċ-ċeramisti kien intensiv ħafna, biċ-ċeramisti Maltin u Sqallin jagħtu ideat dwar l-istil u d-dehra ta’ prodott ġdid ta’ promozzjoni għal Malta u Sciacca.  Is-suċċess ta’ dan il-workshopjidher fil-fatt li fl-aħħar tiegħu ntlaħaq ftehim dwar kif ser ikun dan il-prodott. 

Il-workshop ta’ l-istudenti mar tajjeb ħafna u l-iSqallin faħħru ħafna l-kapaċitajiet ta’ l-istudenti Maltin, li ddisinjaw oġġetti ta’ ċeramika bħala prova għal-linja l-ġdida.

L-artiġjana li jaħdmu fil-villaġġi ta’ l-artiġjanat ta’ Ta’ Qali u Ta’ Dbieġi ngħataw l-ewwel prijorità fl-għażla biex jipparteċipaw f’dan il-programm, filwaqt li l-operaturi fil-qasam turistiku kienu magħzula mill-MHRA.  L-istudenti ġew magħżula mill-għalliema tagħhom fl-Istitut ta’ l-MCAST minn fost dawk l-istudenti li qegħdin jistudjaw iċ-ċeramika.  Kien hemm interess partikolari f’dan il-programm minn lukandiera Għawdxin.

Dawn il-parteċipanti huma parti mill-94 parteċipant li s’issa ħadu sehem fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea bħala parti mill-inizjattiva tas-Segretarjat għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed li aktar negozjanti jipparteċipaw fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea.  Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo kompla jgħid li “l-lokalità ta’ Sciacca hija magħrufa fi Sqallija għall-artiġjanat taċ-ċeramika u l-istess lokalità qiegħda tagħmel kull sforz sabiex tibni l-kummerċ li jsostni din il-komunità fuq il-Value Added taċ-ċeramika tradizzjonali li għandha.

“L-artiġjanat tradizzjonali taċ-ċeramika f’din il-lokalità, minkejja l-isfidi kollha, ma ċediex l-isforzi tiegħu għall-importazzjoni, anzi, l-artiġjani baqgħu magħrufa għad-disinn u l-istil tal-prodott partikolari tagħhom u ħadd ma rrikorra għall-importazzjoni ta’ kwalità inferjuri li jkun jista’ jinbiegħ bi prezz irħas, bħalma jiġri ċertu drabi f’Malta.  Nemmen li din l-esperjenza għandha tgħin biex l-artiġjani tagħna jħarsu aktar lejn il-ħila tagħhom u jagħtu aktar importanza lejn il-manifattura artiġjanali tal-prodott tagħhom.

“Din l-esperjenza għandha twassal ukoll biex l-istudenti jiddisinjaw prodott li ser jiġi mmanifatturat kemm f’Malta u kemm f’Sciacca u li ser ikun jissejjaħ ‘La Mediterranea’.  Il-qofol ta’ dan il-progett kien li permezz ta’ l-interess madwar l-artiġjanat taċ-ċeramika, tkun żviluppata attività turistika fil-perijodi tas-sena fejn, kemm f’Sciacca, kemm f’Malta ma jkunx hemm daqshekk turisti jżuru ż-żewġ lokalitajiet (low season).

Wara s-suċċess ta’ din iż-żjara, is-sħab Maltin u ta’ Sciacca qegħdin jaħdmu flimkien biex jitwettaq dak li ġie miftiehem waqt il-workshops.  Bħalissa qegħdin isiru laqgħat ma’ awtoritajiet u organizzazzjonijiet varji li jistgħu jgħinu biex iseħħu l-objettivi ta’ dan il-proġett.  Intant, rappreżentanti mis-setturi taċ-ċeramika u t-turiżmu jistgħu jikkuntattjaw rappreżentant tal-proġett (keith.psaila@gov.mt) għal aktar informazzjoni.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow