“TITJIB FIL-PACKAGING U L-MARKETING TAN-NEGOZJI TAGĦNA JGĦINNA NEGĦLBU L-KOMPETIZZJONI” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
Żieda ta’ LM6.6 Miljun fl-importazzjoni ta’ prodotti għall-konsum bejn Jannar sa April 2006 meta mqabbel ma’ l-istess perijodu tas-sena ta’ qabel (Jannar sa April 2005)
“Żieda ta’ LM6.6 Miljun fl-importazzjoni ta’ prodotti għall-konsum bejn Jannar sa April 2006 meta mqabbel mal-perijodu minn Jannar sa April 2005, tikkonferma li l-attivita’ kummerċjali qiegħda tikber. Din iż-żieda fl-attivita’ kummerċjali qed twassal biex il-kompetizzjoni bejn negozju u ieħor tkompli tiħrax. Il-Pjan ta’ Ħidma ‘Miftuħa għan-Negozju’ huwa maħsub li jiffoka fuq ħidma li tgħin lil kull min qiegħed fin-negozju sabiex l-ewwel jifhem li fin-negozju tiegħu irid jiffaċċja l-kompetizzjoni biex imbagħad itejjeb il-mod ta’ kif jagħmel in-negozju. Għal dan il-għan hemm diversi inizjattivi. Attivita’ partikolari minnhom hija l-ħidma li permezz tagħha sa l-aħħar tas-sena 2006 is-Segretarjat qiegħed jaħdem biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ 300 negozju fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea. Din il-ħidma qiegħda ssir sabiex self-employed u sidien ta’ negozji żgħar ikunu mgħejjuna jifhmu aħjar kif jistgħu jipparteċipaw aktar fis-suq Ewropew.”
Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem waqt attivita’ li fiha ltaqa’ ma’ l-għoxrin parteċipant li ħadu sehem fil-proġett ‘Marketing and Packaging to Gain a Competitive Advantage’ li huwa parti mill-Programm Leonardo da Vinci.
Permezz ta’ dan il-programm, li ser jiġi maqsum f’numru ta’ żjarat separati, ser ikunu qegħdin jipparteċipaw madwar 85 negozju, li s’issa minnhom ipparteċipaw l-ewwel 20 negozju.
Dawn l-għoxrin parteċipant ħadu sehem f’żewġ programmi separati. Dawn il-programmi nħadmu permezz ta’ kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed u l-konsulenti Across Limits. Grupp ta’ ħmistax-il parteċipant ħa sehem f’attivitajiet li saru l-Italja, li ġew organizzati apposta u li kienu iffukati fuq is-settur tal-‘fashion and design’, fejn setgħu jiltaqgħu ma’ imprendituri Taljani f’dan il-qasam.
L-Onor. Vassallo qal li “f’dan il-programm il-parteċipanti setgħu jaraw kemm il-kompetizzjoni fl-Italja hija iżjed qalila minn dik f’pajjiżna. Fil-fatt, ġie nnutat mill-parteċipanti Maltin li l-imprendituri Taljani f’dan is-settur jagħmlu minn kollox biex jirbħu l-kompetizzjoni ma’ swieq oħra billi jkunu aktar innovattivi, iżda ġie nnutat ukoll li f’dan ir-rigward, dan is-settur fl-Italja qiegħed jiffaċċja sfidi kbar. Waħda mill-affarijiet li laqtet lil dawk li pparteċipaw f’dan il-programm kienet il-ħila ta’ dawn l-imprendituri li jippruvaw jegħlbu l-kompetittivita’ fis-settur tagħhom billi kontinwament itejjbu l-kwalita’ tal-prodotti tagħhom.”
It-tieni grupp ta’ tmien parteċipanti kellhom l-opportunita’ li jżuru fiera tad-dgħajjes u s-settur tal-baħar li saret fir-Rumanija, kif ukoll kellhom numru ta’ laqgħat ma’ imprendituri minn dan il-pajjiż. Il-parteċipanti kkummentaw dwar il-fatt li r-Rumanija għadha ħierġa minn żmien politiku diffiċli ħafna, u għaldaqstant, l-ekonomija miftuħa għadha fil-bidu tagħha. Minkejja dan, il-parteċipanti Maltin innutaw li dan il-pajjiż għandu potenzjal kbir għall-iżvilupp ekonomiku. Għalkemm in-numru ta’ parteċipanti kien wieħed żgħir, fejn setgħu attendew ma’ l-għoxrin parteċipant, minn dawk li pparteċipaw jidher li hemm interess li jżommu kuntatti ma’ imprendituri f’dan il-pajjiż, għax dan il-pajjiż, li minn hawn u ftit xhur oħra jista’ jsir membru ta’ l-Unjoni Ewropea, jista’ joffri opportunitajiet interessanti għal imprendituri Maltin li jkunu jistgħu jiftħu n-negozju tagħhom hemmhekk.
L-Onor. Edwin Vassallo kompla biex ta l-informazzjoni rigward l-94 parteċipant li s’issa ħadu sehem f’dawn il-programmi ta’ l-Unjoni Ewropea. Huwa awgura li ‘l quddiem ikun hemm aktar parteċipanti fi programmi simili. Is-Segretarju Parlamentari semma wkoll li l-programm ta’ l-Unjoni Ewropea li jmiss ser ikun għal mastrudaxxi, iżda l-ewwel prijorita’ għall-parteċipazzjoni ser tingħata lil dawk li għandhom konvenji ffirmati fil-proġett tal-Villaġġ ta’ l-Artiġjanat ta’ Ta’ Qali, (kif sar fil-programm għaċ-ċeramisti), kif ukoll lil dawk li jaħdmu minn dawk iż-żoni li jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ tas-Segretarjat. Dawn huma ż-żoni industrijali tal-Ħandaq, il-Mosta, l-Mrieħel u Ħaż-Żebbuġ.
Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li “l-eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni li jgħin aktar self-employed u negozji żgħar jipparteċipaw fi programmi bħal dawn mhux esklussivita’ ta’ dan is-Segretarjat. Setgħu kienu l-konsulenti nfushom li jsibu self-employed biex jieħdu sehem f’dawn il-programmi. Fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ self-employed f’dawn il-programmi, is-Segretarjat ħa l-inizjattiva biex jilqa’ proposti mingħand konsulenti sabiex proprju jara li dawn il-programmi jkollhom il-parteċipazzjoni tas-self employed u għaldaqstant ma jintilfux.”
L-Onor. Edwin Vassallo temm billi qal li “l-Gvern huwa mpenjat li jara aktar parteċipazzjoni f’dawn il-programmi, u għaldaqstant, permezz tas-Segretarjat diġa’ qegħdin isiru tħejjijiet biex għas-sena 2007 inżommu l-istess impenn biex is-sena li ġejja niffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ 300 negozju fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea. Naturalment, biex dan iseħħ, is-Segretarjat irid jirbaħ il-kompetizzjoni minn pajjiżi oħra Ewropej.”
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958