Left arrow Go Back

NISĠA TA’ L-ISKEJJEL TA’ L-ISTAT F’KULLEĠĠI

PR1112
Date Icon 02/08/2006

“Minn Settembru li ġej jibda l-proċess biex l-iskejjel ta’ l-Istat f’Malta u Għawdex jintisġu f’Kulleġġi kif titlob il-liġi l-ġdida dwar l-Edukazzjoni. Bi tħejjija għal dan, diġa’ ħarġet is-sejħa għall-għażla tal-kordinaturi tal-Kulleġġi u ser toħroġ sejħa oħra għall-għażla ta’ Amministratur u Precincts Officer għal kull Kulleġġ. Fil-bidu ta’ Settembru ser jitħabbar liema skejjel ta’ l-Istat ser jintisġu f’Kulleġġi għas-sena skolastika li jmiss”.  

Dan ħabbru l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Dr Louis Galea meta dalgħodu żar l-iskola tal-Gvern f’Sannat Għawdex fejn qed jiġu organizzati diversi attivitajiet fosthom Skola Sajf. Il-Ministru Galea kien akkumpanjat mill-Kordinatur tal-Kulleġġ għal Għawdex, is-Sur Frank Gatt. 

Is-Sur Frank Gatt, filwaqt li ta merħba lill-Ministru Galea, fisser l-ewwel sena skolastika tal-Kulleġġ għal Għawdex bħala bidu tajjeb u esperjenza pożittiva. Huwa qal li matul is-sena skolastika twettqu ħafna inizjattivi kurrikulari fil-livell primarju u sekondarju. “L-enfasi tagħna kienet fuq il-proċess biex l-istudent jitgħallem kif jitgħallem (learning to learn) bi programmi bħal English through drama, Hands-on Science sessions, Literacy fora, u Phonics and Abacus sessions. Il-mira tagħna hi edukazzjoni ta’ kwalita’ għal kull student”, qal is-Sur Gatt. 

Il-Kordinatur tal-Kulleġġ fisser li tul is-sena l-Kapijiet ta’ l-iskejjel ħadmu ħafna flimkien għall-ġid ta’ l-istudenti Għawdxin. “Aħna wettaqna kultura ta’ djalogu ma’ kull min hu nvolut – studenti, għalliema, ġenituri u komunita’. Ippruvajna nwettqu l-qawl li villaġġ sħiħ jgħallem it-tfal”. Għall-ewwel darba l-kors INSET (in service for teachers sessions) għal 320 għalliema Għawdxin sar f’Għawdex. Saret ħidma wkoll biex il-karti ta’ l-eżami ta’ nofs is-sena f’numru ta’ suġġetti tkun waħda komuni għall-iskejjel f’Għawdex. 

Frank Gatt qal li l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni bejn l-iskejjel ser jiżdied u dan jawgura tajjeb għall-iskejjel Għawdxin. “Il-Kulleġġ ta’ Għawdex ser jaħdem bis-sħiħ biex il-bżonnijiet u l-stili ta’ tagħlim diversi ta’ kull student jiġu rispettati. Aħna konvinti li kull student għandu saħħa biex jitgħallem. Kull student hu b’xi mod jew ieħor intelliġenti, u li jekk l-istudenti jiġu mgħallma b’mod effettiv kollha jitgħallmu, jirnexxu u jsiru ċittadini b’saħħithom u effettivi”, temm jgħid is-Sur Frank Gatt. 

Il-Ministru Louis Galea rringrazzja lill-kordinatur, il-kapijiet, l-għalliema u l-ħaddiema ta’ l-iskejjel għall-ħidma li qed iwettqu. Huwa qal li l-Gvern qed jaħdem u jinvesti bis-sħiħ biex ulied il-poplu jingħataw l-aqwa opportunitajiet għat-tagħlim u l-edukazzjoni. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow