RESTAWR TAL-KAPPELLA TA' CEPPUNA FIL-MARSA
Mistenni jitlesta dalwaqt xogħol ta’ restawr fuq il- kappella tal-Madonna ta’ l-Assunzjoni, li hija magħrufa bħala ta’ Ceppuna, fil-Marsa, li qed isir minn ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed iżur xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru fuq din il-kapella.
Din il-Kappella kienet inbniet fis-Seklu XV. L-iktar mument storiku u importanti għal din il-kappella kien meta f’Awissu 1534, il-kadavru ta’ l-ewwel Gran Mastru tal-Kavallieri ta’ San Gwann, Philippe Veliers de l’Isle Adam, tħalla għal lejl f’din il-kappella waqt il-purċissjoni tal-funeral tiegħu, meta mill-Imdina tniżżel lejn il-Birgu.
Għal sekli sħaħ din il-kappella ntużat minn kaċċaturi li kienu jmorru jisimgħu l-quddies fiha. Il-kappella sofriet ħsarat kbar matul it-tieni Gwerra Dinjija, meta kienet tintuża bħala maħżen. F’xi żmien fil-passat żdiedet ukoll kamra magħha bħala sagristija, li bidlet kompletament id-dehra tal-Kappella. Il-Kappella kellha ukoll problemi ta’ umdita` kawżati bi bdil fil-livelli tal-madwar, filwaqt li ħsara strutturali kienet ukoll evidenti fuq waħda mill-faċċati.
Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet u l-interventi li qed isiru, il-Ministru Zammit qal li primarjament beda l-ħatt tal-kamra biex b’hekk il-Kappella reggħet ħadet il-forma oriġinali taggħa. Tbaxxa wkoll il-livell biswit il-knisja, biex il-paviment intern issa jinsab f’livell għola mill-madwar, u b’hekk jitnaqqsu sew il-problemi ta’ umdita`. Ix-xogħol ta’ tisħiħ strutturali tlesta ukoll, u bħalissa qegħdin fl-aħħar fażijiet ix-xogħolijiet ta’ restawr fuq ġewwa tal-Kappella. Ir-restawr tal-faċċati esterni kif ukoll il-pavimentar taz-zuntier tal-Kappella huma mistennija jitlestew fil-gimgħat li ġejjin.
Il-Ministru kompla jgħid li x-xogħol seta` jitwettaq wara li kien hemm ftehim bejn il-Marsa Sports, il-Ministeru u l-HSBC fejn parti mill-fondi neċessarji għax-xogħol ġew minn għotja ta’ flus mill-HSBC Cares for Malta’s Heritage Fund.
Il-Ministru temm jgħid li x-xogħol ta’ restawr fuq il-Kapella ta’ Ceppuna jkompli jżid mal-lista ta’ xogħlijiet li saru fl-aħħar seba’ xhur ta’ din is-sena. L-investiment totali, inkluż il-pagi tal-ħaddiema nvoluti fix-xoghol tar-restawr, jaqbeż il-Lm100,000 u jkopri xogħlijiet fuq il-Kapella ta’ Santu r-Rokku fl-Imdina, Kapella ta’ Santa Lucija fl-Imtarfa, Kapella ta’ San Bert fiz-Żurrieq, Kapella tad-Duluri fil-Pieta u l-Knisja ta’ Sarria fil-Floriana.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958