PROGRAMM TA’ ĦIDMA: “Gvern impenjat biex imexxi ħidma li tkun aktar Miftuħa għan-Negozju” - L-Onor. Lawrence Gonzi, Prim Ministru
“Il-Gvern huwa mpenjat biex imexxi ħidma li tkun aktar ‘Miftuħa għan-Negozju’. Dan huwa l-impenn tal-Gvern, li jkompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu b’risq in-negozji żgħar b’ħidma li tikkonferma kemm huwa viċin is-self-employed u s-sidien ta’ negozji żgħar. Dan irid jagħmlu billi jkun Gvern ”miftuħ għan-negozju”. Dan qalu l-Prim Ministru, l-Onor. Lawrence Gonzi waqt konferenza ta’ l-ahbarijiet li fiha ġie mniedi l-Pjan ta’ Ħidma għas-sena Ġunju 2006 – 2007, kif ippubblikat mis-Segretarjat għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed. Preżenti wkoll kienu l-Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni, l-Onor. Censu Galea u l-Onor. Edwin Vassallo, Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed.
Il-pubblikazzjoni ta’ programm ta’ ħidma b’44 inizjattiva tixhed il-viżjoni u l-ħidma prattika li l-Gvern ser ikun qiegħed iwettaq sabiex jara li f’pajjiżna jkollna mentalita’ imprenditorjali Miftuħa għan-Negozju.
L-Onor. Lawrence Gonzi kompla billi qal li “l-objettiv ‘Miftuħa għan-Negozju’ tfisser ħidma li ser tkompli ssaħħaħ il-proċess ta’ sinerġija mal-Gvern kollu, Ministeri, Dipartimenti u Entitajiet oħra. Dan bil-ħsieb li l-ħidma ppjanata, kif tidher f’dan il-Pjan ta’ Ħidma, effettivament issir. B’hekk pajjiżna jkompli jsir pajjiż fejn l-attivita’ kummerċjali tikber u ttejjeb is-servizz lejn il-konsumatur, u b’hekk toħloq aktar impjiegi.
“Dan il-Pjan ta’ Ħidma jagħti wkoll xhieda tal-proġett politiku li l-Gvern għandu li permezz tiegħu jrid ikompli jsaħħaħ is-servizz tiegħu lejn min jaħdem għal rasu u huwa sid tan-negozju tiegħu. Huwa importanti li wieħed jinnota li f’pajjiżna sa l-aħħar tas-sena 2004 kellna mad-29,670 negozju li jimpjegaw inqas minn għaxar persuni u 1,120 negozju li jimpjega aktar minn għaxra. Dan ifisser li b’kollox f’pajjiżna kellna mat-30,800 negozju fejn 96% kienu kollha micro-enterprises. Dawn it-30,800 negozju bejniethom kienu jħaddmu 67,309[1] persuna. Għalhekk, meta qegħdin ngħidu ‘Miftuħa għan-Negozju’ qed nitkellmu dwar kif naslu li nwettqu proġett li fih tkun ikkordinata ħidma fil-Gvern kollu maħsuba biex in-numru ta’ l-impjiegi mas-settur privat ikompli jiżdied.
“Din il-ħidma ġiet ippjanata wkoll bl-għajnuna ta’ għaqdiet ta’ negozju li l-Gvern qiegħed jaħdem magħhom biex ikun kontinwament konxju ta’ x’inhu mistenni minnu. Nixtieq nirringrazzja lil dawn l-għaqdiet ta’ negozju li huma kollaboraturi importanti u meħtieġa għall-effettivita’ ta’ din il-ħidma. B’din il-kordinazzjoni l-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self-Employed, qiegħed ikun kontinwament qrib ta’ dan is-settur. B’hekk il-Gvern tassew jista’ jgħid li huwa qrib tas-self employed u huwa impenjat li jara li pajjiżna jkun tassew miftuħ għan-negozju.”
Tkellem ukoll il-Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni Censu Galea, li qal li “dan il-Programm ta’ Ħidma ser iġib fis-seħħ diversi inizjattivi ġodda u oħrajn li diġa qegħdin jiġu maħduma sabiex is-self employed u n-negozji żgħar f’pajjiżna jkomplu jissaħħu u jingħataw l-importanza li tixirqilhom. Intagħżel it-titlu ‘Miftuħa għan-Negozju’ għaliex pajjiżna jkattar il-ġid meta jiżdied il-kummerċ u n-negozju.
L-Onor. Censu Galea qal ukoll li “għandna ninfetħu għan-negozju sabiex f’pajjiżna nifhmu aħjar li l-kummerċ jgħin biex il-konsumatur ikun moqdi aħjar, tiżdiedlu l-għażla tal-prodotti, u bil-kompetizzjoni bejn in-negozji l-konsumaturi jkollhom garanzija li l-prezzijiet jibqgħu kompetittivi. Għal min qiegħed fin-negozju, kompetizzjoni tfisser ħidma u sfida kontinwa biex in-negozju jitjieb kontinwament. Il-kompetizzjoni ma theddidx is-sostenibilita’ tan-negozju, iżda tiggarantixxi l-profitti. Mingħajr kompetizzjoni jkollna suq artifiċjali, suq fejn m’hemmx għażla, u fejn hemm konsumaturi mingħajr dritt ta’ għażla. Għaldaqstant, biex ikollna suq kompetittiv irridu naraw li naħdmu ta’ kuljum biex niggarantixxu l-kompetittivita’. Fuq kollox, il-kompetizzjoni trid tkun waħda ġusta, sabiex kull min qiegħed jieħu sehem fil-kummerċ ikun qed jilgħab bl-istess regolamenti.”
Waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Ministru rrefera ukoll għall-ħidma li qed issir għall-benefiċċju tan-negozji ż-żgħar u l-konsumaturi fil-qasam tar-riforma tal-portijiet, kif ukoll fl-industrija tal-manifattura tal-farmaċewtika.
Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, spjega li l-Pjan ta’ Ħidma, li ilu jiġi ppubblikat għal dawn l-aħħar sitt snin, għandu bħala l-bażi tiegħu ċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar. Fil-fatt l-44 inizjattiva jaqgħu taħt ħdax-il sezzjoni marbuta man-negozji żgħar, minn edukazzjoni u taħriġ sa l-użu ta’ l-informatika. L-Onor. Edwin Vassallo qal li “L-impenn tal-Gvern huwa li jara li ssir ħidma effettiva u effiċjenti biex kull imprenditur u sid ta’ negozju jkun iffaċilitat jaħdem, jinnegozja u jagħmel il-flus. Aktar ma imprenditur jaħdem, aktar jikber in-negozju tiegħu u jħaddem direttament jew indirettament aktar nies miegħu. Għalhekk, ejjew inkunu miftuħa aktar għan-negozju sabiex nagħmlu minn pajjiżna l-aħjar pajjiż li fih jista’ jsir in-negozju.”
Fil-ħidma tal-Gvern favur in-negozji żgħar qed ikun hemm sinerġija ma’ Assoċjazzjonijiet u entitajiet relatati man-negozji, biex b’hekk, kull ħidma tal-Gvern isseħħ wara konsultazzjoni ma’ dawk kollha kkonċernati. Fil-fatt, l-inizjattivi kollha ta’ dan il-Pjan ta’ Ħidma kienu riżultat ta’ konsultazzjoni ma’ l-għaqdiet tan-negozji u ma’ diversi self-employed li taw is-suġġerimenti tagħhom fil-laqgħat li huma attendew bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni.
Il-Pjan ta’ Ħidma ta’ din is-sena għandu numru ta’ Annexes, li fosthom hemm Memorandum of Understanding iffirmat bejn is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed u l-MCAST; Memorandum of Understanding ieħor iffirmat bejn is-Segretarjat u ċ-Chamber of Commerce and Enterprise, l-Federation of Industry, l-GRTU, il-MEA, l-MHRA u l-Malta Institute of Management, entitajiet li fil-fatt kienu preżenti għat-tnedija tal-Pjan; dokument maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-edukazzjoni fl-imprenditorija; u dokument maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reponsabbilta soċjali ta’ l-intrapriżi.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo spjega kif iż-żewġ prijoritajiet tal-Pjan ta’ Ħidma ta’ din is-sena huma proprju l-edukazzjoni fl-imprenditorija, u r-responsabbilta’ soċjali ta’ l-intrapriżi (CSR – Corporate Social Responsibility) u temm jgħid li l-Gvern ser ikompli bil-ħidma tiegħu li tagħti importanza lil dawn iż-żewġ issues, flimkien mal-ħidma biex tkompli titnaqqas il-burokrazija u tkompli tiġi żviluppata l-infrastruttura ta’ fejn jaħdmu bosta negozji. “Dan il-Programm ta’ Ħidma jkun suċċess permezz ta’ sinerġija bejn il-Gvern u s-settur kummerċjali kollu. Jien perswas li flimkien kapaċi naħdmu biex ikollna pajjiz miftuħ għan-negozju” temm jgħid l-Onor. Vassallo.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958