Rikonoxximent tal-Gvern għall-ħidma ta’ l-infermiera u l-qwiebel
B’referenza għall-istqarrija lill-istampa mill-MUMN dwar id-deċiżjoni meħuda mill-Partit Laburista li l-infermiera Maltin jingħataw il-warrant sabiex jipprattikkaw il-professjoni tagħhom, id-Diviżjoni tas-Saħħa tinnota li fil-laqgħa li kellu riċentement ma’ l-MUMN il-Ministru nformahom li hu qed jikkunsidra t-talba tagħhom f’dan ir-rigward.
Fl-istqarrijja tagħha l-MUMN qed torbot ir-rikonoxximent mistħoqq lejn il-professjoni ta’ l-infermiera mill-gvern biss ma’ l-għoti ta’ warrant.
Ta’ min jinnota li l-infermiera diġa jgawdu awtonomija sħiħa fil-prattika ta’ xogħolhom bis-saħħa tal-liġi li tirregola l-professjonijiet tas-saħħa. Dan id-dritt joħroġ mill-Att tar-Reġistrazzjoni mal-Kunsill ta’ l-Infermiera u Qwiebel ta’ 2003.
Il-gvern ilu snin twal bil-fatti, mhux bil-wegħdi, jirrikonoxxi l-professjoni ta’ l-infermiera u l-qwiebel billi:
· Waqqaf Direttorat dedikat għall-infermiera biex tahom status professjonali.
· Waqqaf l-Istitut tal-Kura tas-Saħħa minn fejn ħarġu mijiet ta’ infermiera kwalifikati.
· Ta inċentivi finanzjarji biex aktar studenti jagħżlu din il-professjoni.
· Tejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ l-infermiera u l-qwiebel kollha.
· Offra opportunitajiet ta’ taħriġ u studju li jwasslu għal diploma u BSc u Masters fl-istudji infermeristiċi.
· Għolla l-istatus ta’ l-infermiera billi l-kwalifiki tagħhom huma rikonoxxuti fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni Europea.
· Introduċa il-conversion course biex Enrolled Nurses isiru Staff Nurses.
· Riċentement ta l-faċilità biex infermiera li jkunu jixtiequ jsegwu programm ta’ taħriġ fil-livell ta’ baċellerat part time fuq tlett snin ikunu jistgħu jagħmlu dan filwaqt li jibqgħu fl-impjieg full time.
· Jibgħat numru ta’ infermiera biex jitħarrġu barra.
Dan kollu l-gvern wettqu mill-1987 sal-lum bil-fatti bħala rikonoxximent għal tant ħidma siewja mill-infermiera u l-qwiebel.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958