IN-NUMRU TA’ ĦADDIEMA LI JIPPARTEĊIPA GĦAL KORSIJIET TA’ TAĦRIĠ OFFRUTI MILL-MCAST IKOMPLI JIKBER
“It-taħriġ għall-ħaddiema mill-MCAST huwa pass ‘il quddiem lejn żieda fil-produttivita’ u t-titjib fis-servizz lejn il-konsumatur.” – Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo
F’ċerimonja ta’ għoti ta’ ċertifikati lil 12-il ħaddiem tal-Mizzi Automomotive Services Limited fil-Ħandaq li saret illum ingħataw ċertifikati lil ħaddiema ma’ din il-kumpanija li għamlu kors ta’ taħriġ fil-Welding ta’ l-Aluminium provdut lilhom u lill-azjenda tagħhom mill-MCAST. Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo, li kien preżenti għall-għoti ta’ dawn iċ-ċertifikati faħħar l-inizjattiva ta’ din il-kumpanija li tat l-opportunita lill-ħaddiema tagħha li jattendu għal dan il-kors.
“Dawn il-ħaddiema u l-kumpanija li timpjeghom għandom ikunu ta’ eżempju għall-ħaddiema u ażjendi oħra li jridu jtejjbu l-kapaċita’ kompetittiva’ tagħhom fis-suq. Bit-taħriġ lill-ħaddiema x-xogħol li jsir ikun ta’ kwalita’ aħjar u għalhekk il-konsumaturi jkunu moqdija aħjar. Illum jekk negozju irid jikkompeti huwa importanti ferm li l-ħaddiema jkunu mħarrġa sew u jkun hemm titjib fil-kwalita’ tax-xogħol għas-sodisfazzjon tal-konsumaturi.
“L-impenn tal-Gvern huwa li jagħmel suċċess ekonomiku minn dan il-pajjiż. Wieħed mill-akbar proġetti politiċi tal-Gvern li llum qed jirrendu riżultat pożittiv huwa ‘l-proġett edukazzjoni’. Din l-azjenda u l-ħaddiema diġa gawdew min dan il-proġett, u issa jibdew igadwu wkoll il-konsumaturi
tagħhom.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo qal dan waqt ċerimonja ta’ preżentazzjoni ta’ ċertifikati li għaliha kienu preżenti dawk il-ħaddiema li pparteċipaw fil-kors, rappreżentanti mill-MCAST, u rappreżentanti tal-kumpanija Mizzi Automotive Services.
L-Onor. Vassallo kompla billi awgura li “n-numru ta’ ħaddiema li jipparteċipa għal korsijiet ta’ taħriġ offruti mill-MCAST ikompli jikber. Nawgura wkoll li aktar kumpaniji u negozji żgħar mill-Ħandaq u miż-Żoni Industrjali l-oħra jaraw li joffru lill-ħaddiema tagħom l-opportunita’ li jkomplu t-taħriġ tagħhom. F’dawn l-aħħar erba’ snin, fl-istituti kollha ta’ l-MCAST, ġew offruti madwar erbgħin kors li huma kollha relatati ma’ l-imprenditorija. Għal dawn il-korsijiet attendaw ma’ l-400 ħaddiem, li permezz ta’ dawn il-korsijiet tejjbu il-kapaċitajiet tagħhom biex b’hekk joffru servizz aħjar lill-konsumaturi tagħhom. Dawn il-korsijiet huma miftuħa għal kull min jixtieq jattendi għalihom u jiena nħeġġeġ dawk il-ħaddiema kollha li jixtiequ jtejjbu lilhom infushom biex jattendu għal korsijiet bħal dawn.”
Wara din l-attivita’ s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo kompla jżur negozji oħra fil-Ħandaq bil-ħsieb li jisma’ u jitkellem ma’ persuni li qegħdin fin-negozju f’din iż-żona industrijali.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958