Il-Festa tat-Tonn 2006
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ser jorganizza l-Festa tat-Tonn għat-tieni sena konsekuttiva wara s-suċċess miksub fl-ewwel edizzjoni s-sena li għaddiet. Din se ssir nhar is-Sibt 22 ta’ Lulju 2005 mis-7 ta’ filgħaxija ’l quddiem, f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk (in-naħa tal-Magħluq).
Minbarra li toffri serata divertenti għall-familja kollha, din l-attivita’ hi maħsuba biex titfa’ dawl fuq ix-xogħol tas-sajjieda Maltin u b’mod speċjali għall-waħda mill-ħut l-aktar importanti fis-suq lokali – it-tonn. Minbarra spettaklu b’laqta tradizzjonali, s-serata ser tinkludi wkoll tisjir ta’ riċetti li jinkludu t-tonn u l-pixxispad, esebizzjoni ta’ ritratti u inġenji marbuta mas-sengħa tas-sajd, żejt taż-żebbuġa prodott lokalment, xogħol tal-fuħħar b’disinji ta’ ħut u attrezzatura li tintuża għas-sajd.
Matul l-attivita’ se jkun hemm ukoll bejgħ ta’ tonn u pixxispad bi prezzijiet speċjali.
F’kummenti li ta bi tħejjija għall-din l-attivita’, l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino qal li l-Ministeru jrid li din l-attivita’ tidħol b’mod stabbli fil-kalendarju ta’ attivitajiet kulturali ta’ pajjiżna. Hu qal li din hija inizjattiva li tiffoka fuq il-promozzjoni ta’ prodotti lokali, f’dan il-każ ħut maqbud mis-sajjieda Maltin. Hu qal li s-suċċess ta’ dawn l-attivitajiet wassal biex il-Ministeru qed jaħdem biex isiru attivitajiet simili b’ħut ieħor, fosthom il-lampuki u l-pixxispad.
Din l-attivita’ qed issir bil-kollaborazzjoni ta’ l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, il-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd, il-Fondazzjoni San Pietru u l-kumpannija Camilleri Wines u l-Global Capital.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958