Premju Anzjan tas-Sena
L-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, ħabbret li għal darba oħra ser jerga’ jingħata l-premju “Anzjan tas-Sena”. Din hija t-13-il darba li qed jingħata dan il-premju. Din is-sena wkoll ser jiġu kkunsidrati wkoll koppji li jikkwalifikaw għal dan il-premju.
Is-Segretarju Parlamentari fakkret li l-1 ta’ Ottubru huwa l-Jum Dinji ddedikat lill-anzjani – kif iddikjarat minn Nazzjonijiet Uniti. L-attivitajiet li ser jorganizza s-Segretarjat Parlamentari biex ikun imfakkar il-Jum Dinji tal-Anzjani, jilħqu l-qofol tagħhom b’serata apposta nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Ottubru fit-Teatru ta’ San Vincenz.
L-Onor. D’Amato, spjegat li s-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’ jagħti dan il-premju bħala rikonoxximent xieraq lil dik il-persuna anzjana jew koppja, li bil-mod ta’ kif iżżommu ruħhom attivi, qed ikunu ta’ mudell u ispirazzjoni għall-anzjani jew koppji oħra, f’soċjeta mibnija fuq l-interdipendenza, solidarjeta’ bejn il-generazzjonijiet, fejn l-anzjani jkunu ntegrati f’kull qasam tas-soċjeta’ Maltija, kif ukoll nimpenjaw ruħna favur min hu l-aktar fil-bzonn.
L-Onor. Helen D’Amato ħeġġet biex għaqdiet volontarji, Parroċċi u Kunsilli Lokali jinnominaw anzjani għal dan il-premju, sabiex b’hekk nuru apprezzament u rikonoxximent għal hafna xogħol volontarju li jkun qed isir fis-socjeta’ tagħna.
Fil-fatt dan il-premju jirrikonoxxi lil dik il-persuna/lil dawk il-persuni:
- Li jkunu taw servizz b’mod volontarju ma’ min ikun jeħtieg, jew
- Li bil-karattru tagħhom huma ta’ ispirazzjoni għal anzjani oħra, jew
- Li jkunu responsabbli lejn u sedqu l-ambjent tal-anzjani; li jiżviluppaw kemm il-kultura ġenerali kif ukoll personali; li jahdmu biex ma jintilifx wirt missirijietna; li jippromwovu s-solidarjeta’ bejn il-ġenerazzjonijiet u jgħixu ħajja li tikkontribwixxi għal ħajja aħjar tal-komunita’ b’mod ġenerali.
L-Onor. D’Amato kompliet tgħid li għal dan il-premju jistgħu jiġu nominati ndividwi jew koppji, ċittadini Maltin li, sa l-aħħar ta’ din is-sena jkunu għalqu l-eta’ tal-pensjoni, u li normalment jghixu Malta jew Ghawdex.
Biex jintgħażel l-Anzjan tas-Sena, twaqqaf bord ta’ l-għażla, li għandu r-responsabilta’ li jilqa’ l-applikazzjonijet, u li jagħzel l-anzjan, anzjana jew koppja li ħaqqhom jingħataw dan il-Premju prestiġjuż.
Il-Bord ta’ l-Għazla jikkonsisti minn:
Chairperson: Ms. Cecilia Xuereb
Membri: Mr Angelo Fenech
Prof. Fredrick Fenech
Ms. Lilian Miceli Farrugia
Ms. Josephine Saliba
Fr. Victor Zammit Mc Keon
Segretarju: Mr Charles Herrera
Aktar informazzjoni u formoli għan-nominazzjonijet, jistgħu jinġabru mingħand is-Segretarju tal-Bord, fl-Ufficju tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, 15 Triq il-Merkanti, Valletta u d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, Pjazza San Frangisk, Victoria, Għawdex u għandhom jittiehdu bl-idejn sa mhux aktar tard minn nofs inhar ta’ nhar l-Ħamis 7 ta’ Settembru 2006. Tingħata riċevuta għal kull nominazzjoni.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958