Inawgurati l-Kwartieri l-Ġodda ta’ l-O.H.S.A.
Il-kwartieri ġodda għall-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) f’Tal-Pietà li saru b’investiment ta’ nofs miljun lira b’kontribut finanzjarju mill-Unjoni Ewropea ġew inawgurati nhar is-Sibt 15 ta’ Lulju 2006, mill-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi fil-preżenza tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr Louis Galea.
Il-Kwartieri l-ġodda ta’ l-Awtoritá għandhom diversi faċilitajiet li jgħinuha twettaq id-doveri tagħha fi sforz biex is-saħħa u s-sigurtá tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol ikunu mħarsa. Fost oħrajn dawn il-Kwartieri jinkludu kmamar li jitużaw minn uffiċjali tal-Bord għall-Protezzjoni kontra r-Radjazzjoni, kamra għal staff mediku speċjalizzat f’occupational diseases, uffiċċji għal spetturi li jaħdmu fid-divesri oqsma fosthom f’dak tal-kostruzzjoni, radjazzjoni, makkinarju u apparat, investigazzjoni ta’ inċidenti fis-sezzjoni ġenerali u żewġ kmamar għat-taħriġ.
F’diskors ta’ l-okkażjoni l-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi qal li fl-aħħar snin saru żviluppi mportanti f’dan is-settur - mhux l-anqas fil-mentalità tal-ħaddiema u tal-employers. “Illum, is-saħħa u s-sigurtà m’għadhomx xi kunċett astratt, iżda jinsabu fuq l-aġenda tal-pajjiż u ta’ ħafna impriżi. Gvern, ħaddiema u employers jonqosna ħafna aktar x’nagħmlu. Is-saħħa u s-sigurtà m’għadniex inħarsu lejhom bħala piż, iżda bħala opportunità biex nirrendu l-ekonomija tagħna iktar sostenibbli,” qal il-Prim Ministru.
L-importanza li pajjiżna qiegħed jagħti f’dan il-qasam ġejja mill-fatt li llum bdejna nifhmu sewwa li t-titjib fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà qiegħed verament isarraf fi tnaqqis ta’ sofferenzi, ta’ sitwazzjonijiet trawmatiċi u drammatiċi għall-individwi li jkunu ntlaqtu b’inċident u għall-familji tagħhom; qiegħed ifisser vantaġġi ekonomiċi għal pajjiżna għaliex inevitabilment kull inċident iġib miegħu prezz ekonomiku qawwi; u qiegħed jixpruna titjib fil-kompetittività ta’ pajjiżna.
L-Unjoni Ewropea (UE) tagħti mportanza kbira lis-settur tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dan huwa rifless fid-Direttivi li jeżistu dwar is-suġġett. Il-Prim Ministru nnota b’sodisfazzjon li f’dan is-sens, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà rnexxilha taħdem biex dawn id-Direttivi jidħlu fil-liġijiet Maltin u rnexxilha tagħmel dan mingħajr ma toħloq piżijiet burokratiċi żejda.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr Louis Galea, filwaqt li irringrazzja lill-Bord u l-impjegati kollha ta’ l-Awtorita`, qal li jeħtieġ insostnu l-istrateġija ta’ twassil ta’ informazzjoni u edukazzjoni dwar l-obbligi legali u dwar kif ikunu attwati dawn l-obbligi. “L-Awtorità issa daħlet f’fażi oħra fejn qed tenfasizza l-ħtieġa li fil-postijiet tax-xogħol jiġu żviluppati policies ta’ saħħa u sigurtà, li jkun hemm ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għas-saħħa u s sigurtà, li ssir l-evalwazzjoni tar-riskji u anki li jkunu appuntati nies kompetenti biex jgħinu fit-twettiq ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni.”
Il-Ministru Galea qal li l-Awtoritá għamlet differenza kemm ilha tiffunzjona. Fil-fatt fil-ħames snin kemm ilha mwaqqfa l-Awtoritá ir-rata ta’ mwiet ta’ ħaddiema fuq il-post tax-xogħol naqset minn 10 għal 7 kull 100,000 persuna. Barra minn hekk n-numru ta’ korrimenti fuq il-post tax-xogħol naqas bi kwazi b’elf.
Roberta Messina, iċ-Chairperson ta’ l-Awtoritá qalet li l-OHSA qed tisħaq ħafna fuq sistemi ta’ immaniġjar ta’ saħħa u sigurtà li bihom jiġu nfurzati u salvagwardjati standards aħjar ta’ saħħa u sigurtà. Filwaqt li rringrazzjat lill-imsieħba soċjali ta’ l-impenn li qed juru f’dan il-qasam, ħeġġithom sabiex iwasslu aktar il-messaġġ fost il-membri tagħhom. Ms Messina fakkret li skond statistika maħruġa mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol jiswew lill-pajjiżi medja ta’ 4% tal-Prodott Gross Domestiku tagħhom. Jekk napplikaw din ir-rata għal Malta, l-ispiża tammonta għal madwar Lm 76 miljun fis-sena. Hija kkonkludiet billi qalet li hemm rabta kbira bejn is-saħħa u s-sigurtà u l-valuri soċjali u etiċi tal-kumpaniji u huwa finalment fl-interess ta’ kulħadd li jara li dawn ikunu mħarsa.
Il-Kap Eżekuttiv Ewlieni ta’ l-OHSA, Dr Mark Gauci qal li s-sinjifikat ta’ l-okkażjoni jmur lil hinn mill-bini nnifsu għax huwa xhieda ta’ l-importanza li pajjiżna beda jagħti lil dan il-qasam. Huwa qal li l-investiment fl-akkwist u t-tagħmir tal-post jammonta għal nofs miljun lira Maltin li minnhom l-Unjoni Ewropea ikkontribwiet Lm133,000. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar ħames snin, minbarra l-budget rikorrenti ta’ Lm 300,000 fis-sena, ġew investiti total ta’ € 1.26 miljun fl-OHSA, li aktar minn nofshom ġew mill-Unjoni Ewropea. Dr Gauci qal li llum l-OHSA hija aċċettata fuq livell nazzjonali anke mill-imsieħba soċjali kif ukoll fuq livell Ewropew minħabba l-parteċipazzjoni attiva tal-Awtorità f’bosta fora u proġetti Ewropej.
L-Awtoritá għas-Saħħa u s-Sigurtá fuq il-post tax-Xogħol twaqqfet f’Jannar tal-2002 bl-objettivi ewlenin li trawwem kuxjenza dwar il-ħtieġa ta’ livelli għolja ta’ saħħa u sigurtá, l-iżvilupp ta’ qafas legali aġġornat għaż-żminijiet tal-lum, it-twassil ta’ tagħrif anki ta’ natura teknika lil kull min jeħtieġa u anki l-infurzar tal-liġijiet.
Il-kwartieri l-ġodda ta’ l-Awtoritá minbarra li qed jipprovdu spazju akbar għall-22 ħaddiem li jaħdmu magħha, jagħtuha opportunitá akbar li tħarreġ ħaddiema minn oqsma varji tax-xogħol fil-ħarsien u s-sigurtá waqt il-ħidma. Matul is-sena aktar minn 250 ħaddiema jattendu għal korsijiet simili. Dan minbarra korsijiet oħra li jingħataw fuq il-postijiet tax-xogħol stess, fejn fuq l-1,200 ħaddiem inagħtaw taħriġ fuq il-post tax-xogħol tagħhom.
Preżenti għall-okkażjoni kien hemm Membri Parlamentari, ambaxxaturi, uffiċċjali tal-Gvern u mistednin distinti li kienu nvoluti fil-proċess tax-xiri u t-tlestija tal-post. Il-Prim Ministru kixef plakka ta’ l-okkażjoni fi ħdan stallazzjoni li tirrappreżenta l-aspett prattiku ta’ għadd ta’ professjonijiet, snajja’ u oqsma oħra ta’ xogħol. Il-bini tbierek mill-Kappillan Fr Michael Camilleri.
Il-Kwartieri ta’ l-Awtoritá jinsabu f’17 Triq Edgar Ferro, Pietà.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958