RISPOSTA TAD-DIVIŻJONI TAS-SAĦĦA GĦALL-KUMMENTI TAL-MAM
Id-Divizjoni tas-Saħħa tirreferi għal rapporti li dehru fil-gazzetti dwar kummenti magħmula mill-MAM b’reazzjoni għar-rapport dwar is-servizz tas-saħħa f’Malta mqabbel mas-servizzi offruti fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u tiċħad bil-qawwa kollha li dan ir-rapport jindika li s-servizz f’Malta qed jisfaxxa.
Ikun ferm aħjar li bħala rappreżentanti ta’ settur daqshekk vitali bħalma huma t-tobba, il-MAM tifrex ir-riflessjonijiet tagħha fuq l-aspetti kollha li jqajjem ir-rapport. Tajjeb li issir riflessjoni fuq kif żdied in-numru ta’ tobba u professjonisti oħra fl-aħħar snin. Tajjeb li jissemmew in-numru sostanzjali ta’ konsulenti ġodda li nħatru. Filwaqt li d-Divizjoni diġà ħadet passi biex isiru operazzjonijiet wara nofsinhar u fi tmiem il-ġimgħa, ser jibqgħu isiru sforzi biex jinstabu soluzzjonijiet dwar kif jistgħu isiru numru akbar t’operazzjonijiet.
Dwar il-mediċini l-ġodda, id-Divizjoni tas-Saħħa hi obbligata li tħares lejn il-valur miżjud ta’ teknoloġija u trattamenti ġodda qabel tintroduċihom fis-servizz nazzjonali u l-MAM taf li dan isir b’konsultazzjoni ma’ speċjalisti fis-settur.
Il-MAM taf ukoll bil-miżuri li qed jittieħdu sabiex tiġi solvuta l-problema tal-każijiet soċjali fl-isptar San Luqa sabiex jittaffa l-iffullar, fosthom sala ġdida f’Monte Karmeli, swali ġodda f’San Vinċenz, dar ġdida fil-Mellieħa u pjanijiet għall-faċilità ġdida għal rijabilitazzjoni.
Dwar l-MRSA, id-Diviżjoni ħadet diversi miżuri sabiex tikkontrolla dan il-mikrobu li tfaċċa bħala riżultat ta’ kura akuta u intensiva li sa ftit snin ilu ma kinitx possibbli u li llum qed issalva mijiet ta’ ħajjiet. Il-MAM taf bil-kampanji intensivi ta’ iġjene personali lejn l-istaff li jgħinu ħafna fil-kontroll tat-tifrix tal-MRSA.
Tajjeb li wieħed jiffoka fuq id-drittijiet tal-pazjent għal informazzjoni sħiħa u kompleta dwar saħħithom. Id-Diviżjoni qed tipprepara abbozz ta’ liġi li jkopri wkoll dan l-aspett u tippretendi ko-operazzjoni sħiħa mill-MAM meta dan l-abozz isir pubbliku.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958