IMPENN GĦALL-ĠID TA’GĦAWDEX U L-GĦAWDXIN
Il-Ministru Austin Gatt, il-bieraħ nieda inizjattiva mill-Gozo Channel, immirata b’mod partikolari għall-Għawdxin li jużaw spiss is-servizz biex jaqsmu bejn Malta u Għawdex. Il-Ministru Austin Gatt ħabbar din l-inizjattiva, flimkien maċ-Chairman tal-kumpanija Joe Borg, f’konferenza stampa li ngħatat abbord wieħed mill-vapuri tal-Gozo Channel.
L-iskema li ser tkun tissejjaħ “Daily Commuter Card Scheme” hi maħsuba l-aktar għall-Għawdxin li jivvjaġġaw kuljum, jew kważi, lejn Malta minnħabba x-xogħol. Bid-deċiżjoni tal-Gvern li jagħti lill-Gozo Channel kuntratt t’obbligu ta’ servizz pubbliku, l-Għawdxin kollha diġà għandhom skont ta’ Lm3.25 min-noll standard ta’ Lm6.75 kull darba li jivvjaġġaw lejn Malta bil-karozza. B’din l-iskema jiffrankaw Lm1 oħra. Kull vjaġġ jiġi jiswa Lm2.50 flok Lm3.50.
Il-Ministru Austin Gatt, spjega li dan l-iskont ser jiġi iffinanzjat mill-Gozo Channel u ser jiswa lill-kumpanija madwar Lm 20,000. Huwa tenna li dan il-pass, flimkien ma’ numru ta’ inizjattivi oħra huma biss possibbli minħabba l-fatt li l-Gozo Channel llum hija f’qagħda finanzjarja stabbli. Din il-qagħda hija dovuta għall-żewġ deċiżjonijiet għaqlin li ħa l-Gvern fil-bidu ta’ din l-amministrazzjoni. L-ewwel deċiżjoni kienet s-sussidju ta’ Lm 1,400,000 li l-Gvern jagħti b’mod dirett lill-kumpanija biex ipatti għad-diskrepanza fin-noll bejn dak li jħallsu l-Għawdxin u dak li jħallsu l-Maltin. It-tieni kienu li nagħtu servizz tajjeb bi prezzijiet ta’ fares li jkunu raġonevoli.
Il-fatt li l-kumpanija għanda l-finanzi tagħha fis-sod ifissru li l-kumpanija, minn Novembru li għadda, setgħet tinvesti Lm 66,000 f’inizjattivi speċifiċi biex iżżid l-attività kummerċjali f’Għawdex. Dik li saret fix-xitwa swiet lil kumpanija Lm 46,000. It-trasport li l-kumpanija qed tipprovdi bil-lejl qed jiswa lil kumpanija Lm20,000 fis-sena.
Il-Ministru Austin Gatt ħabbar li ta’ direzzjoni lill-kumpanija biex issa tiffoka aktar fuq servizz aħjar għall-klijenti fejn tinbena relazzjoni personalizzata mal-klijenti tagħha. Austin Gatt tenna li l-Gozo Channel hi t-triq lejn Malta għal ħafna Għawdxin li jivvjaġġaw għax-xoghol u l-qadi. Il-kumpanija tinsab fuq sisien finanzjarji sodi u grazzi għall-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista, qed nassiguraw li t-triq tkun sostenibbli għall-futur.
Minn naħa tiegħu ċ-Chairman tal-kumpanija, Joe Borg, spjega li din l-inizjattiva hija okkażjoni oħra li turi l-importanza li l-Gvern u d-diretturi maħtura minnu qed jagħtu lejn l-irwol tal-Gozo Channel fid-dimensjoni soċjali ta’ Għawdex. Joe Borg spjega li din l-iskema taħdem billi persuna tixtri 50 biljett li jridu jintużaw fi żmien tliet xhur bill-prezz ta’ Lm 125. Dan ser ikun ifisser li persuna Għawdxija li tivjaġġa spiss minħabba xogħol jew studju, ser tkun qed tiffranka madwar Lm 50 kull tliet xhur. Joe Borg spjega li din l-inizjattiva hija l-frott ta’ l-involviment li hemm bejn il-kumpanija u rappreżentanti tal-Frequent Travellers tal-Gozo Channel li taw, u qed jagħtu l-kontribut tagħhom biex is-servizzi mogħtija mill-kumpanija jkunu jixhdu l-ħtiġijiet soċjali ta’ Għawdex.
Dettalji dwar l-iskema jinsabu fuq: http://www.gozochannel.com/dailycommuter.html
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958