Left arrow Go Back

DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA WAQT PRANZU STATALI MOGĦTI MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU S-SUR ZINE EL ABIDINE BEN ALI, PRESIDENT TAT-TUNEŻIJA - CARTHAGE PALACE, TUNEŻ - IT-TLIETA, 4 TA’ LULJU 2006

PR1004
Date Icon 04/07/2006

Eċċellenza
Mistednin distinti 

L-ewwelnett nixtieq nibda billi nesprimi l-gratitudni profonda tiegħi lejk personalment u lejn il-Poplu tat-Tuneżija għal-laqgħa kordjali u ġeneruża li ngħatat lilna minn mindu wasalna fil-pajjiż sabiħ tagħkom.  Iż-żjara tagħna hawnhekk tagħtini l-opportunita` biex nara b’għajnejja l-isforzi eċċezzjonali u r-riżultati li tmisshom b’idejk li inti ksibt bl-investiment ippjanat u kostanti fl-edukazzjoni u t-taħriġ immirat fir-riżorsi umani, li inti sewwa dejjem stqarrejt li huwa l-aktar riżors prezzjuż mir-riżorsi kollha, u l-uniku garanti ġenwin għall-iżvilupp uman. 

Minn mindu inti żort Malta s-sena l-oħra, it-Tuneżija għandha biex tkun kburija b’ħafna stejjer ta’ suċċess li kisbet taħt it-tmexxija għaqlija tiegħek, fosthom ta’ min isemmi s-Summit Mondjali fuq is-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni li ospitajtu b’suċċess f’pajjiżkom, in-nominazzjoni tat-Tuneżija biex tmexxi l-Organizzazzjoni Mondjali tat-Turiżmu, l-elezzjoni għall-Kunsill tad-Drittijiet Umani li għadu kemm ġie mwaqqaf, l-isforzi kontinwi tiegħek biex tagħti imbuttatura ġdida lill-Għaqda Għarbija tal-Maghreb u l-ewwel laqgħa tal-Five-Plus-Five dwar it-turiżmu li ġiet proposta minn Malta fl-aħħar laqgħa tal-Five-Plus-Five tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin fil-Belt Valletta f’Ġunju ta’ l-2005. 

Eċċellenza 

L-istorja u l-ġeografija taw lit-Tuneżija u lil Malta legat li jaqsmu flimkien li jinkludi l-wirt Feniċju u dak Kartaġiniż.  Iż-żewġ pajjiżi tagħna jaqsmu bejniethom esperjenzi komuni – Malta u t-Tuneżija fittxew attivament politika biex tissaħħaħ il-paċi u l-istabbilita` fir-reġjun; aħna t-tnejn qed nippruvaw immexxu ’l quddiem l-aspirazzjonijiet tal-popli tal-Mediterran fil-fora internazzjonali, u naħdmu biex niksbu l-prosperita` u futur aħjar għall-popli tagħna. 

Dan il-legat li naqsmu flimkien iġib miegħu responsabbilta` fuqna t-tnejn fil-Mediterran ċentrali, fl-ispazju Ewro-Mediterranju u fil-proċessi varji ta’ l-integrazzjoni reġjonali, bħal m’huma l-Proċess ta’ Barċellona u l-Five-Plus-Five.  F’dan il-kuntest għandna nirsistu biex insawru proġetti konkreti flimkien fl-ambitu tal-Politika Ewropea tal-Pajjiżi Ġirien ta’ l-Ewropa u biex niżviluppaw sħubija tassew reġjonali bil-għan ta’ żvilupp soċjo-ekonomiku tar-reġjuni skond inizjattivi bħall-INTERREG.  Hemm bżonn nidentifikaw soluzzjonijiet prattiċi li jaqdu l-interessi tagħna t-tnejn, bil-għan li nikkonsolidaw il-kooperazzjoni ekonomika Ewro-Mediterranja fil-baħar Mediterran. 

Il-katastrofi traġika umana li qed naraw ta’ kuljum fil-Mediterran, fejn mijiet ta’ immigranti illegali mill-Afrika tas-sub-Sahara qed jaslu fuq xtutna, hija ’l bogħod ferm mill-ideal ta’ baħar ta’ paċi u stabbilta` li qed nistinkaw li jkollna fil-baħar li naqsmu bejnietna.  Is-solidarjeta` trid tissarraf ukoll f’assistenza lill-pajjiżi fejn l-ewwel jaslu fihom l-immigranti biex ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ dawn il-wasliet kbar li qegħdin  jeżawrixxu r-riżorsi tagħna aktar milli nifilħu.  Malta temmen f’politika ta’ immigrazzjoni olistika li tinvolvi sforz kollettiv tal-pajjiżi minn fejn joriġinaw minnhom l-immigranti, il-pajjiżi fejn jaslu, u l-pajjiżi li jkunu d-destinazzjoni aħħarija tagħhom.  Aħna nemmnu li huwa biss billi nindirizzaw il-problemi tal-faqar estrem fl-oriġini tagħhom li l-iżvilupp veru soċjo-ekonomiku jista’ jiġi milħuq u jitwaqqfu dawn il-mewġiet ta’ migrazzjoni illegali. 

Huwa b’ċertu sodisfazzjon illi nara l-mixja ta’ l-evoluzzjoni tal-mogħdija komuni li wegħedna li ż-żewġ pajjiżi tagħna jimxu fiha.  Il-kummissjoni mħallta li ltaqgħet fit-Tuneżija fil-livell ta’ Ministri Barranin fi Frar li għadda kompliet tikkonsolida l-kooperazzjoni bilaterali tagħna fuq bosta livelli u din laħqet il-milja tagħha b’dikjarazzjoni komuni li nimxu ’l quddiem flimkien, biex infittxu f’liema żoni tal-blata kontinentali nistgħu nagħmlu esplorazzjoni u esplojtazzjoni miż-żewġ pajjiżi tagħna flimkien.

Il-ftehim ta’ kooperazzjoni li ffirmajna llum fl-oqsma tas-servizzi mediċi u tas-saħħa pubblika, l-artiġjanat, u t-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni jkomplu jżidu ma’ l-għadd ta’ ftehim oħra li diġa’ jeżistu, fosthom il-kooperazzjoni fl-oqsma ta’ l-investimenti, il-kooperazzjoni kulturali, xjentifika u teknika, sajd u agrikoltura u l-ambjent.  Dawn huma prova li l-pajjiżi tagħna huma kommessi għal sħubija strateġika fuq bosta livelli.  Huma wkoll miżura tanġibbli tal-livell eċċellenti tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna, kemm bħala ġirien kif ukoll bħala ħbieb.  Din is-sena kienet waħda li rat diversi missjonijiet tekniċi kemm fit-Tuneżija kif ukoll f’Malta jimplimentaw dawn il-ftehim ta’ kooperazzjoni. 

Sur President 

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tagħna ta’ Intenzjonidwar l-Esplorazzjoni u l-Esplojtazzjoni taż-Żejt huwa ftehim ta’ tifsira sinifikanti li għandu jwassal għall-qabża fil-kwalita` tas-sħubija strateġika ta’ bejnietna.  L-opportunitajiet ta’ investiment għaż-żewġ naħat żgur li se jintensifikaw issa li ġie maħluq il-Kunsill tan-Negozju Malta-Tuneżija.  It-Trattat tagħna ta’ Ħbiberija, ta’ Bon Viċinat u ta’ Kooperazzjoni għandu jidħol fis-seħħfi żmien qasir malli jiġi ratifikat mill-Kamra tad-Deputati tagħkom. 

Ninsab konvint illi r-rabta tagħna għal sħubija strateġika bejn Malta u t-Tuneżija fiċ-ċentru tal-Mediterran, msejsa fuq il-passat li naqsmu flimkien u fuq it-twemmin ta’ ġejjieni komuni tagħna, hija kif għandna nipproċedu.  Din l-isħubija strateġika hija ta’ valur kbir u mill-iktar sinifikanti għaż-żewġ pajjiżi. 

Eċċellenza 

Malta tħabrek sabiex tiżgura li l-Mediterran jokkupa l-post xieraq tiegħu fl-affarijiet internazzjonali u fl-aġenda ta’ l-Unjoni Ewropea.  F’Malta għandek issib ħabib veru fl-Unjoni Ewropea, ħabib li jifhem ir-realtajiet tat-Tuneżija, il-preokkupazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tagħha.  Aħna ninsabu konxji ħafna mill-fatt li l-komplessita` tar-Reġjun Ewro-Mediterranju jġiegħlna lkoll  nieħdu deċiżjonijiet responsabbli fil-livell ta’ l-Unjoni Ewropea li jġibu flimkien u mhux ibegħdu kulturi diversi u komunitajiet ibbażati fuq valuri universali ta’ paċi, rispett lejn xulxin u solidarjeta`.  F’dan ir-rigward nieħu din l-opportunita` biex infaħħar l-isforzi ma jaqtgħu xejn tiegħek li taħdem biex ikun hemm djalogu, toleranza u turija ta’ rispett lejn il-kulturi, iċ-ċiviltajiet u r-reliġjonijiet kollha permezz tas-Sedja li inti ħloqt għal dan il-għan. 

B’dawn il-ħsibijiet, nistedinkom, Eċċellenzi, Sinjuri, biex nixorbu bis-saħħa tal-President tat-Tuneżija u b’riżq il-ħbiberija bejn il-Gvernijiet u l-Popli ta’ Malta u tat-Tuneżija.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow