IL-BINI TA’ BELVEDER FUQ WIED BABU, LIMITI TA’ WIED IŻ-ŻURRIEQ
Ix-xogħlijiet waslu lejn l-aħħar sabiex il-proġett jintemm
qabel l-aħħar tas-Sajf 2006
In-nofs-in-nhar tal-pajjiż qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa u dan b’mod partikolari bl-investiment li sar fl-aħħar tlett snin. Ix-xogħlijiet ivarjaw minn tisbieħ f’żoni turistiċi, għal rijabilitazzjoni taċ-ċentri tad-diversi rħula, għal tisbiħ ta’ ġonna u żoni ta’ rikreazzjoni u għal restawr ta’ diversi kapelli. Ix-xogħol li qed isir fuq il-belveder ta’ Wied Babu jkompli juri b’mod konkret u viżibli l-politika tal-Gvern preżenti fin-nofsinhar tal-pajjiż. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed iżur l-aħħar fażi ta’ xogħlijiet fuq il-bini ta’ Belveder f’Wied Babu.
Il-Ministru kompla billi qal li x-xogħol jikkonsisti f’ bini ta’ belveder ta’ seba mija u ħamsin metru tul b’wisa ta’ kważi erba’ metri li jagħti fuq Wied Babu, limiti ta’ Wied iż-Żurrieq. Dan ħa post bankina dejqa u perikoluża. Dan il-Belveder ser jitgawda kemm mill-bosta residenti li joqgħodu fl-irħula tal-madwar kif ukoll minn ħafna turisti li jżuru l-post pittoresk ta’ Wied iz-Zurrieq kif ukoll it-Tempji ta’ Hagar Qim u l-Imnajdra. Il-materjal li ġie imħammel minn fuq il-post, sabiex setgħu jinbnew il-pedamenti tal-promenade, ġie magħżul biex mill-ġebel li inġabar inbnew ħitan tas-sejjieħ u il-ħamrija ġiet utiliżżata biex tiġi msebbħa il-bankina faċċata ta’ dan il-Belveder. Tpoġġew ‘l fuq minn 1,000 vaża tal-ġebel tal-franka u 8,000 kantun biex iservu kemm bħala pedament ta’ dan il-Belveder kif wkoll ta’ lqugħ għat-triq eżistenti. Il-Ministru spjega li, sabiex l-estetika ta’ dan il-proġett tkun kumplimentari mal-karatteristici ta’ Wied Babu, dawn il-vażi ġew miksija b’madwar 1,800 metru kwadru ta’ ħitan tas-sejjiegħ minn ġebel li ġie miġbur minn fuq il-post waqt il-proċess ta’ taħmil.
L-ispazju li inħoloq bejn il-pedamenti tal-Belveder u t-triq eżistenti qed iservi bħala mina biex minn ġo fiha jiġu mgħoddija diversi servizzi, fosthom dawl u ilma li ser jiġu utiliżżati kemm bħala parti minn aċċessorji relatati mal-proġett kif wkoll għall bżonnijiet oħra li jista jkun hemm fil-futur.
Waqt iż-żjara tiegħu fuq il-post il-Ministru Zammit qal li dan il-Belveder ġie msebbaħ billi mat-tul tiegħu kollu qed jinbnew pilastri tal-ġebel tal-franka fuq stil rustiku li fihom ser jittpoġġew planters bil-fjuri ħalli b’hekk dan il-Belveder jkompli jintegra ruħu mal-karatteristiċi rurali tal-madwar. Dawn il-planters ser jiġu msaqqija b’ sistema ta’ drip irrigation imqabbda ma’ sistema ta’ l-ilma miġbur f’ġibjuni zgħar li se jilqgħu l-ilma tax-xita. S’issa minn dawn il-pilastri inbnew il-fuq minn sittin wieħed.
Il-formazzjoni tal-promenade kienet tikkonsisti wkoll fi tqegħid ta’ ‘l fuq minn 800 metru ta’ kurduna ġdida rinfurzata b’sodda tal-konkos. Il-wiċċ tal-promenade qed jiġi iċċangat b’madum tal-franka mżewwaq b’madum tal-porfido u s’issa ġie iċċangat b’1,200 metru kwadru ta’ ċangatura tal-franka kif wkoll b’ tul ta’ 350 metru madum tal-porfido bħala burduri ma’ l-iċċangar tal-franka.
Il-Ministru spjega li ma dan kollu, qed jiġu nstallati railings tal-ħadid iggalvanizzat flimkien ma’ puġġamani ta’ l-injam, li ġew kollha manifatturati u nstallati mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru, biex iservu ta’ lqugħ bejn pilastru w ieħor. Biex jitnaqqas il-light pollution mal-madwar ta’ dan il-proġett, il-ħaddiema tal-Ministeru qed jinstallaw dwal tat-tip recessed lighting mal-pilastri tal-ġebel li qed jinbnew.
Il-Ministru tar-Rizorsi u Infrastruttura tenna li hu pprogrammat li dan il-Belveder jitkompla sa Hagar Qim u fil-fatt bħalissa qed jiġu ffinaliżżati l-pjanti u l-permessi meħtiega ħalli x’ħin jintemm ix-xogħol fuq l-ewwel parti tkun tista tibda t-tieni fażi li tkopri minn Wied iż-Zurrieq sa Hagar Qim.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958