GĦAJNUNA LIL NGOs (ORGANIZZAZZJONIJIET MHUX GOVERNATTIVI) - RILAXX TA’ UFFIĊJALI PUBBLIĊI
Il-gvern japprezza u jħeġġeġ il-kontribuzzjoni siewja ta’ l-NGOs lis-socjeta’ Maltija. Is-sena l-oħra, il-gvern irreveda l-politika tiegħu dwar ir-rilaxx ta’ uffiċjali pubbliċi biex jaħdmu ma’ NGOs. L-għan ta’ din il-miżura kien li nagħtu definizzjoni iżjed ċara kemm ta’ l-NGOs li huma eliġibbli, kif ukoll tal-kundizzjonijiet u l-kriterji li se jiddeterminaw dan ir-rilaxx. Il-politika riveduta hija spjegata fiċ-Ċirkular tal-UPM 28/2005.
Il-kriterji l-ġodda (i) jiċċaraw x’inhuma r-rekwiżiti ta’ l-NGOs biex ikunu meqjusa eliġibbli għal dawn il-benefiċċji, (ii) jorbtu ir-rilaxx ma’ riżultati identifikati u kwantifikati u (iii) jorbtu dan il-benefiċċju ma’ forom oħra ta’ assistenza mogħtija lil dik l-NGO partikulari.
Jidher li numru ta’ NGOs sabu xi diffikultajiet biex jadattaw ma’ din il-politika ġdida u kien deċiż li jingħata żmien ta’ tranżizzjoni sabiex jiġu applikati l-miżuri l-ġodda sakemm il-proċessi meħtieġa jkunu mifhuma u dawn ikunu applikati mill-partijiet kollha interessati. Dan kien jinvolvi wkoll proċess ta’ konsultazzjoni fejn NGOs interessati ġew megħjuna biex jimmaniġġjaw aħjar il-proċess tal-bidla.
L-NGOs interessati li jissodisfaw il-kriterji neċessarji dwar l-eliġibilita’, kif spjegati fiċ-Ċirkulari tal-UPM 28/2005, huma mistiedna għal darb’oħra biex jipparteċipaw f’din l-iskema, billi jew jitolbu t-tiġdid ta’ rilaxx eżistenti għal perjodu ieħor ta’ sena, jew jagħmlu talba għal rilaxx ġdid.
L-applikazzjonijiet mibgħuta għandhom jinkludu dan li ġej:
1. Dikjarazzjoni li tispjega l-iskop/missjoni ta’ l-organizzazzjoni, li għandha turi l-iskop soċjali/karitatevoli ta’ l-organizzazzjoni skond l-Att dwar Trusts and Trustees.
2. Kopja ta’ l-istatut ta’ l-organizzazzjoni.
3. Proposta li tispjega proġett ċar jew attivita’ li se jagħmel l-uffiċjal rilaxxat. Il-proposta trid tindika ċar il-benefiċċji li se jkun hemm mill-proġett jew attivita’, u tagħti żmien speċifiku għal meta l-għan irid jintlaħaq. Jekk il-proġett jew attivita’ se jsir f’post barra minn Malta, huwa importanti li dan jintwera ċar fil-proposta.
4. Dikjarazzjoni li tagħti tagħrif dettaljat dwar jekk l-organizzazzjoni hijiex tirċievi xi assistenza (finanzjarja jew xort’oħra) taħt xi skema mill-Gvern.
5. L-isem ta’ l-uffiċjal li l-organizzazzjoni qed titlob ir-rilaxx tiegħu. Idealment, għandhom jingħataw tlett ismijiet minn fejn jintagħżel l-uffiċjal assenjat biex jiġi faċilitat ir-rilaxx mill-gvern. Ta’ min jinnota li l-perjodu tar-rilaxx ikun ta’ massimu ta’ sena, bil-possibilta’ li jiġġedded. Wara li jispiċċa l-perjodu tar-rilaxx, l-uffiċjal imur lura d-dipartiment fejn kien jaħdem qabel.
Id-data ta’ l-għeluq għal proposti taħt din is-sejħa hija l-31 ta’ Awissu 2006. L-NGOs li forsi jsibu xi diffikultajiet kif jipproponu t-talba tagħhom huma mħeġġa biex jitolbu l-għajnuna tad-Direttur ta’ l-Employee Relations fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958