INVESTIMENT KONTINWU FL-IŻVILUPP TAL-LUKANDA SOREDA
Il-lukanda Soreda fetħet il-bibien tagħha għall-ewwel darba fl-1989. Fil-bidu kellha 40 kamra. Qabel l-1995 twettqet estensjoni fejn żdiedu 30 kamra. It-tieni estensjoni ġiet finalizzata fl-1997 meta żdiedu 45 appartament self-catering. L-aħħar estensjoni twettqet fl-2002 biż-żieda ta’ 75 kamra. Illum, b’investiment li tul is-snin qabeż it-Lm3 miljun, li ma jinkludix in-nefqa ta’ kull sena f’refurbishment, il-lukanda għandha 190 kamra u toffri dak kollu li jkun qed jistenna t-turist.
Il-Lukanda Soreda, li hi ta’ Erba’ Stilel, hi immirata sew għat-turist kif ukoll għall-Maltin. Din il-lukanda hi popolari mal-Maltin li fix-xhur tax-xitwa u fix-shoulder months jagħżlu li jieħdu ‘week-end breaks’.
Il-lukanda Soreda qiegħda kontinwament tiġi modernizzata biex tkun tista’ toffri servizz mill-aqwa u valur għall-flus li jintefqu. Fil-lukanda hemm żewġ ‘swimming pools’ barra; gymn komplut b’kollox; pool sħun u sauna ġewwa; ristorant ewlieni fejn joqgħodu madwar 400; lounge bar; bar u ristorant fuq il-bejt; internet u faċilitajiet għat-tour operators; arja kundizzjonzata mal-lukanda kollha. Fil-lukanda ikun hemm divertiment lokali kuljum. Fil-lukanda jkunu organizzati diversi theme nights b’entertainers lokali mill-aqwa.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura t-‘Tico Tico’ Restaurant fil-Lukanda Soreda, li hu maħsub għal klijenti lokali u barranin. Dan joffri atmosfera każwali b’menu varjat u b’emfasi fuq il-kċina lokali u Mediterranja. Il-bar għandu provvista tajba ta’ imbejjed lokali u ta’ imbejjed tan-‘new world’.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fi żmien meta s-settur turistiku ikun għaddej minn diffikultajiet l-inawgurazzjoni ta’ lukanda jew ristorant huma att ta’ fiduċja fis-settur li fl-aħħar 40 sena baqa’ jikber biex illum hu l-akbar industrja ta’ pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li f’pajjiżna għandna madwar 1,000 ristorant u snack bars. Hu qal li dawn qed jagħtu servizz lit-turist, iżda jagħtu wkoll servizz lill-Maltin. Hu qal li dawn jikkompetu wkoll bejniethom għall-parruċċani u għalhekk iridu bilfors joffru l-aħjar. Hu qal li dan ir-ristorant kien se joffri ikel Malti u ikel Mediterranju. Hu qal li anke l-ikel Malti kien jagħtina identità u għalhekk kellna ninkoraġġuh b’kull mod.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien infurmat li l-okkupazzjoni medja f’din il-lukanda tul is-sena kienet teċċedi it-88 fil-mija. Hu qal li riżultati bħal dawn setgħu jintlaħqu biss permezz ta’ emfasi fuq il-kwalità u prezzijiet raġjonevoli lill-operaturi ta’ l-ivjaġġar u lis-suq lokali. Dan kien inkoraġġanti u jawgura tajjeb għas-suċċess ta’ din il-lukanda li hi magħrufa li tagħti valur għall-flus li jintefqu fiha.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li s-settur turistiku kien wieħed dinamiku u li s-suċċess tiegħu jiddependi minn dawk kollha li jmexxuh u li jaħdmu fih. Hu qal li kien ċert li flimkien – Gvern, lukandiera, sidien ta’ ristoranti, dawk li jġibu t-turisti lejn pajjiżna u l-ħaddiema kollha fis-settur – stajna niżviluppaw dan is-settur għall-ġid ekonomiku ta’ pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958