Left arrow Go Back

PROĠETT TA’ NOFS MILJUN LIRA FL-ISKOLA ADELAIDE ĊINI TAL-ĦAMRUN

pr0980
Date Icon 30/06/2006

B’investiment ta’ nofs miljun lira l-iskola sekondarja Adelaide Cini fil-Hamrun ser tkun giet kompletament immodernizzata biex f’Settembru li ġej tkun tista` tintuża kollha kemm hi. Meta jitlesta x-xogħol f’dan il-kumpless l-iskola tkun tista’ tieħu  sa 700 student u l-faċilitajiet ikunu jinkludu 28 klassi, 4 laboratorji tal-kompjuter, 5 laboratorji tax-xjenza, 2 tat-teknoloġija, staff rooms, u kmamar għall-amministrazzjoni ta’ l-iskola. 

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea żar l-iskola magħrufa bħala Adelaide Ċini tal-Ħamrun.  Bħalissa qed isiru xogħlijiet biex titlesta t-tieni fażi ta’ xogħlijiet f’din l-iskola wara li s-sena li għaddiet sar xogħol li tlesta għall-bidu tas-sena skolastika, u b’hekk intużat temporanjament bħala annex tal-Junior Lyceum tas-subien tal-Ħamrun matul is-sena skolastika li għadha kemm intemmet. 

Fit-tieni fażi li qed issir bħalissa, diġà tlesta x-xogħol strutturali u l-estensjoni tal-bini. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq sistema ġdida tad-dawl u ta’ l-ilma, madum ġdid, faċilitajiet sanitarji ġodda inkluż faċilitajiet għal persuni b’diżabilità, aperturi ta’ l-aluminju double-glazed ġodda, bibien ta’ ġewwa, suffetti, water-proofing tas-soqfa, u xogħol ta’ finitura fuq barra u fuq ġewwa.  Matul il-vaganzi tas-sajf il-klasssijiet u l-laboratorji ser jiġu mgħammra bl-apparat kollu meħtieġ għat-tagħlim fuq l-istess standards li ntużaw fil-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop. 

L-ewwel fażi tal-proġett tlestiet is-sajf li għadda u kienet tinkludi xogħol biex jiġi mmodernizzat kompletament Blokk sħiħ ta’ klassijiet u l-Blokk tax-Xjenza li jinkludi tlett laboratorji tax-xjenza.  Sar ukoll xogħol biex blokk li qabel ma kienx jintuża għat-tagħlim ġie ttrasformat f’żewġ laboratorji tat-teknoloġija.  Xogħol ieħor kien jinkludi t-titjib tal-faċilitajiet rikreattivi, titjib ta’ l-aċċessibilità fl-iskola, u landscaping.  Xogħol ieħor importanti li sar f’din l-iskola kien jinvolvi sistema ġdida għall-ilma tax-xita li fil-passat kien joħloq problemi għall-iskola. 

Ix-xogħol sar minn disa’ kuntratturi differenti flimkien mat-Technical Services Branch tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni taħt id-direzzjoni tal-FTS, il-Fondazzjoni ghall-Iskejjel ta’ Ghada. 

Il-Ministru Louis Galea qal li l-politika tal-Gvern fl-edukazzjoni qed tagħti ħafna riżultati tajbin. Il-Gvern qed jinvesti bil-qawwi fl-infrastruttura ta’ l-edukazzjoni billi imbarka fuq il-proġett li jibni l-iskejjel li hemm bżonn u jimmodernizza l-iskejjel kollha ta’ l-Istat. Dan il-proġett, li ghalih il-Gvern ikkommetta investiment ta’ aktar minn LM60 miljun lira fuq firxa ta’ snin, ma kienx jitwettaq b’mod effettiv kieku ma twaqqfitx l-FTS. Bis-saħħa tagħha f’erbgħa snin sar xogħol rekord fl-iskejjel tal-Gvern. Bħalissa qed isir il-bini ta’ skola sekondarja ġdida oħra f’Ħal Qormi, u dalwaqt jibda x-xogħol fuq il-Junior Lyceum fil-Verdala, Bormla. 

Il-Ministru Louis Galea qal li l-liġi dwar l-edukazzjoni li qed tiġi diskussa fil-Parlament hi pass ieħor importanti biex Malta jkollha sistema edukattiva ta’ kwalità u li tgħin it-tfal kollha jirnexxu. Il-proġett tal-Gvern li l-iskejjel ta’ l-Istat jiġu organizzati f’Kulleġġi taħt it-tmexxija ta’ Prinċipal ser iġib miegħu sistema ġdida ta’ tmexxija ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat. F’kull Kulleġġ ser ikun hemm żewġ timijiet, wieħed ta’ amministrazzjoni taħt Amministratur tal-Kulleġġ, u ieħor li jieħu ħsieb l-indafa, l-maintenance, ġonna u spazji rikrejattivi taħt Precincts Officer. B’hekk parti mix-xogħol li jagħmlu llum il-Kapijiet ta’ l-iskejjel ser jibda jiġi imwettaq minn dawn iż-żewġ timijiet biex il-Kapijiet, l-Assistenti u l-għalliema jikkonċentraw aktar fuq it-tagħlim ta’ l-istudenti fil-klassijiet. Il-Kapijiet ta’ l-iskejjel fil-Kulleġġ ser ikunu qed jaħdmu flimkien biex itejjbu l-kwalità ta’ l-edukazzjoni għall-istudenti tagħhom. 

Il-Ministru Louis Galea sostna li s-sistema ta’ l-edukazzjoni ser tkun tista` taħdem aħjar bit-twaqqif ta’ żewġ Direttorati bl-iskop li wieħed jiffoka fuq il-kwalità u l-istandards, u l-ieħor ikun dedikat biex jaqdi l-bżonnijiet ta’ l-iskejjel. “Il-Gvern qed jaħdem fuq kull front biex jgħolli l-kwalità u jtejjeb ir-riżultati fl-edukazzjoni, sew billi jipprovdi skejjel ta’ l-aqwa ambjent, riżorsi umani u materjali biex l-iskejjel iservu bl-aħjar mod l-istudenti tagħhom, u liġi ta’ l-edukazzjoni li tappoġġja aħjar it-tmexxija u t-tagħlim fl-iskejjel,” temm jgħid Louis Galea.   

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow