PREŻENTATA L-KAWŻA TA’ LIBELL KONTRA DR. ALFRED SANT
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Dr. Michael Frendo illum fetaħ kawża ta’ libell fil-Qorti kontra l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-Onor. Alfred Sant dwar allegazzjoni falza u malafamanti li Dr. Sant għamel fil-konfront tal-Ministru Michael Frendo f’diskors fil-Każin Laburista ta’ Ħal Qormi nhar il-Ħadd 11 ta’ Ġunju.
Il-Ministru Frendo jsostni li l-allegazzjoni ta’ Dr. Sant li hu biegħ jew qassam CD’s ikkuppjati m’hiex vera.
“Sant għandu d-dmir li jerfa’ r-responsabbilta’ għal dak kollu li jgħid. Qed jaħrab mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti li jitolbuh jissostanzja l-allegazzjonijiet li jagħmel. Fl-istess waqt, Sant jisparla, jitfa’ l-affarijiet bl-addoċċ u jiftaħ attakki personali. Dan hu atteġġjament inkwetanti ħafna meta wieħed jiftakar li Sant jippretendi li huwa l-alternattiva tal-Lejber għat-tmexxija ta’ dan il-pajjiż” qal il-Ministru Michael Frendo.
Il-Ministru Frendo qal ukoll li l-media tal-Partit Laburista qegħda kontinwament tagħmel minn kollox biex tgħatti dak li qed jgħid u jagħmel Dr. Sant. Sal-bieraħ, ir-radju u t-televiżjoni tal-Partit Laburista kienu għadhom ma xandrux l-istqarrija tal-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin, maħruġa nhar is-Sibt 17 ta’ Ġunju, fejn il-Ministru Frendo ħabbar li kien se jiftaħ kawża ta’ libell kontra Dr. Alfred Sant.
L-Avukat Joe Zammit Maempel qed jidher għall-Ministru Michael Frendo.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958