Left arrow Go Back

SALA MODERNA GĦALL-ISKEJJEL PRIMARJI TA’ SAN GWANN

pr0945
Date Icon 22/06/2006

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea żar l-iskejjel primarji A u B ta’ San Gwann fejn dan l-aħħar bdiet tintuża s-sala li ġiet immodernizzata mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta’ Għada (FTS).  Għalkemm l-iskejjel primarji ta’ San Gwann huma mibnija relattivament reċenti xorta waħda kienu jeħtieġu  xogħlijiet biex l-ambjent u l-faċilitajiet f’dawn l-iskejjel ikunu ta’ standard għoli.  Is-sala li tintuża miż-żewġt iskejjel kellha problemi strutturali u, wara spezzjonijiet li saru mill-periti, kien deċiż li jinbidel is-saqaf tas-sala.  

Minbarra x-xogħol li sar biex jinbidel is-saqaf sar xogħol biex is-sala ikollha il-faċilitajiet kollha li hemm bżonn inkluż sistema ġdida ta’ dawl, bdil ta’ l-aperturi, rampa biex is-sala tkun aċċessibbli għal persuni b’diżabilità, xogħol ta’ finitura tas-sala kollha kemm hi inkluż il-palk u ix-xiri ta’ l-apparat kollhu meħtieġ għas-sala. 

Ix-xogħol fuq is-sala sar b’investiment ta’ Lm 30,000 u dan jikkumplimenta xogħlijiet oħrajn li saru mill-Fondazzjoni biex l-ambjenti f’dawn l-iskejjel ikunu ta’ l-għola kwalità. 

Il-Kap ta’ l-iskola Primarja ‘A’ is-Sur Joseph Mallia qal li b’din is-sala seħħet ħolma oħra fil-kullana ta’ ħolm li hu kellu għal din l-iskola f’dawn l-aħħar snin.  Hu qal li l-missjoni ta’ l-iskola hi li tagħmel mill-esperjenza edukattiva tat-tfal l-isbaħ esperjenza għax f’ambjent ferħan joktor it-tagħlim.  Hu qal li l-iskola issa għandha resource rooms, btieħi attrezzati b’logħob addattat, complementary education room, librerija attrezzata, undersea learning zone, u gym li jintuża wkoll bħala audiovisual room ukoll. 

Dale Zerafa, student ta’ l-iskola primarja ‘A’, qal li flimkien mal-kap ta’ l-iskola hemm ħolma oħra li l-iskola jkollha grawnd bit-turf artifiċjali biex it-tfal ikunu jistgħu jilgħabu il-football u sport ieħor u għaldaqstant talab li l-Ministru jagħti daqqa t’id biex anke din il-ħolma issir realtà.  

Is-Sinjura Mary Rose Debono kap ta’ l-iskola ’B’ qalet li l-ambjent fiżiku ta’ l-iskola qed jingħata importanza kbira u bl-għajnuna ta’ kulħadd l-iskejjel ta’ San Gwann qed ikomplu jtejbu l-abjent tat-tagħlim.  Is-Sinjura Debono qalet li l-iskola qed tipprova tagħti tagħlim mill-aktar ħolistiku partikolarment permezz ta’ attivitajiet, programme u proġetti fl-iskola u barra mill-iskola.  B’hekk l-istudenti jkunu esposti iktar għad-dinja li jridu jiffaċċjaw aktar ‘l quddiem.   

Il-Ministru Galea qal li s-swali ta’ l-iskejjel joffru spazji għall-istudenti u għall-kommunità li huma importanti ferm għall-edukazzjoni, l-isport u l-attivitajiet kulturali u artistiċi.  Louis Galea qal li investiment f’faċilitajiet bħal dawn m’għandhux jibqa rieqed imma bħal kull investiment għandna naraw kif nistgħu nimmassimizzaw l-użu u l-benefiċċji li nistgħu niksbu minn dawn il-faċilitajiet.  Louis Galea sostna li l-Att dwar l-Edukazzjoni, li bħalissa qed ikun diskuss fil-Parlament, jipprovdi biex l-iskejjel ta’ l-Istat jintisġu f’kulleġġi awtonomi bl-iskop li il-ħidma fl-iskejjel tkompli titkattar u titjieb.  Il-Ministru qal li l-liġi l-ġdida tagħmel emfasi wkoll fuq il-ħtieġa li kull Kulleġġ u kull skola għandha, sa minn età bikrija ta’ l-istudenti, jiżguraw programmi u attivitajiet ta’ arti, mużika, drama u sport bl-iskop li jsawwru fl-istudenti l-imħabba u l-apprezzament għalihom u fl-istess ħin jużaw dawn l-attivitajiet biex itejbu l-esperjenza edukattiva u jiżviluppaw il-ħiliet, it-talenti u l-potenzjal ta’ l-istudenti. 

Louis Galea tenna li l-istess liġi tipprovdi biex l-iskejjel ta’ l-istat ikunu jistgħu isiru Ċentri ta’ Tagħlim fil-Kommunità u b’hekk il-faċilitajiet ta’ l-iskejjel ma jintużawx mit-tmienja sas-sagħtejn għat-tfal ta’ l-iskola biss imma jintużaw ukoll wara l-ħin ta’ l-iskola għat-tagħlim u l-iżvilupp tal-ħiliet tal-kommunitajiet ta’ madwarhom.  Il-Ministru qal li hi ħolma tiegħu li jara l-iskejjel ta’ l-istat mimlijin ħajja f’kull ħin tal-ġurnata biex l-investiment kbir li l-Gvern qed jagħmel fl-iskejjel tiegħu jintuża b’mod li jagħti lill-poplu l-ogħla valur. 

Għaldaqstant, temm jgħid il-Ministru Galea, l-investiment fil-faċilitajiet ta’ l-iskejjel ta’ l-istat hu investiment f’ulied il-poplu, iżda huwa wkoll investiment li minnhu għandha tgawdi il-kommunità kollha.  Il-Gvern hu għalhekk impenjat li jkompli jtejjeb il-faċilitajiet ta’ l-iskejjel tiegħu kemm billi jimmodernizza l-bini u l-klassijiet, kif ukoll billi jibni skejjel ġodda u moderni u jżid il-faċilitajiet li għandhom l-iskejjel.   

F’dawn l-ahhar snin diġa’ ġew immodernizzati s-swali ta’ l-iskola ta’ l-Imġarr u ta’ l-Imsida u inbnew u tlestew is-swali ta’ l-iskejjel ta’ Ħal-Għaxaq, Ħ’Attard u ta’ Ħal-Luqa.  Bħalissa qed isir xogħol fuq is-sala ta’ l-iskola ta’ l-Imqabba li inbniet mill-ġdid u s-sala ta’ l-iskola tas-Siġġiewi li inbniet mill-ġdid bħala parti minn xogħol ta’ mmodernizzar ta’ l-iskola kollha.  Din is-sena mistenni jibda x-xogħol fuq il-bini ta’ sala ġdida għall-Kulleġġ San Benedittu Sekondarja Subien, sala ġdida għall-iskola ta’ Ħal-Safi, qed jittieħdu passi biex il-Junior Lyceum Margaret Mortimer ta’ Sta Lucia u l-iskola primarja tal-Gudja ikollhom il-faċilitajiet mehtieġa ta’ sala. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow