IL-GVERN ISOSTNI L-MIŻURI LI JIRNEXXU FAVUR IL- PRODUTTIVITÁ
Il-Gvern irid isostni l-miżura li għadda b’liġi fil-bidu tas-sena l-oħra li b’effett minn Jannar ta’ l-2005 meta Festa Nazzjonali jew btala pubblika taħbat fil-ġurnata tas-Sibt jew fil-ġurnata tal-Ħadd din ma għandhiex titqies bħala btala pubblika għall-iskop illi jiżdied jum ieħor ta’ leave.
Dan jinkwadra fid-determinazzjoni tal-Gvern li jagħmel dak li hu meħtieg sabiex jassigura li Malta ssaħħaħ il-produttivita` u l-kompetittivita` tagħha bl-iskop li tikber l-ekonomija, jitkattru l-impiegi, u l-poplu jkompli jtejjeb il-livell u l-kwalit` tal-għixien tiegħu.
Il-Gvern ikkonsidra r-rapport li l-ILO ippubblikat nhar il-Ġimgha 9 ta’ Gunju, 2006 (Kaz numru 2447) dwar l-ilment li l-GWU ressqet f’Settembru tas-sena l-oħra fuq l-emenda għal-liġi tal-festi pubbliċi.
L-ILO għamlitha ċara li bl-ebda mod mhi qed tikkontesta l-miżuri li ħa l-Gvern li jibdel il-liġi tal-festi pubbliċi biex meta dawn jaħbtu s-Sibt jew il-Ħadd ma jiżdiedx jum ieħor ta’ leave għal vaganza. Dan ifisser li l-ILO bl-ebda mod ma hi qed tikkritika lill-Gvern għall-emenda li daħħal fil-liġi u lanqas ma hi qed titolbu li b’xi mod ibiddel is-sustanza tagħha.
L-ILO għamlitha ċara wkoll li hi prerogattiva tal-Gvern li jiddeċiedi, bħala materja ta’ policy pubblika, liema ġranet ikunu festi jew btajjel pubbliċi. Fil-fatt, l-ILO ikkonkludiet illi
“…the Committee does not call into question the measures taken by Government to modify the legislative requirement that holidays which fall on a weekly rest day be compensated with a vacation day…” (para 748).
L-ILO ikkonkludiet li l-artikolu 6, fl-Att dwar il-Festi Nazzjonali u Btajjel Pubbliċi Ohra (Kapitolu 252 tal-Ligijiet ta’ Malta), fih provvediment li mhux konformi ma’ l-ispirtu tal-Konvenzjonijiet ta’ l-ILO numri 87 u 98 li jippromwovu u jipproteġu il-prinċipji tan-negozjar u l-ftehim kollettiv.
Ir-rapport jirreferi b’mod speċifiku għall-provvediment li jgħid li l-artikolu 6 għandu jirbaħ minkejja “ dak kollu li jinsab f’kull liġi oħra, jew f’xi kuntratt, jew f’xi att iehor ikun li jkun…” u b’hekk jipprevali fuq provvediment negozjat fi ftehim kollettiv. Huwa dan il-provvediment, u mhux il-miżura tal-Gvern, li hu oġġezzjonabbli għall-ILO. X’inhuma l-fatti dwar dan?
Il-fatt hu li l-ILO qed toġġezzjona, u trid li jinbidel, provvediment li kien daħħal fil-ligi l-Gvern Laburista bl-Att numru XXX (30) ta’ l-1975 dwar il-Jum Nazzjonali u Btajjel Pubbliċi Oħra.
Fl-24 ta’ Gunju 1975 il-Gvern Laburista, wara li kien neħħa il-21 ta’ Settembru, Jum l-Indipendenza, minn festa pubblika, bil-liġi neħħa wkoll tmien festi pubbliċi ohra li kienu: il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, il-Festa ta’ San Gużepp, Lapsi, il-Festa ta’ Corpus, l-Imnarja, it-Tmienja ta’ Settembru Tifkira taz-Żewg Assedji, il-Festa tal-Qaddisin Kollha, u l-Festa tal-Kunċizzjoni. Il-Gvern ifakkar li l-GWU, magħrufa għal kemm kienet ħaġa waħda mal-Gvern Laburista dak iż-żmien, qatt ma lissnet l-iċken ilment għat-tneħħija ta’ disat’ijiem festi pubbliċi.
Kien f’din il-liġi li l-Gvern Laburista daħħal il-provvediment li kien jgħid hekk :
“B’dak kollu li jinsab f’kull liġi oħra, jew f’xi kuntratt, jew f’xi att ieħor ikun li jkun, meta taħt il-kondizzjonijiet tas-servizz applikabbli għal persuna dik il-persuna għandha, jew kieku ma kienux id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att kien ikollha, dritt għal btala f’xi jum li ma jibqax btala pubblika bis-saħħa ta’ dan l-Att, dik il-persuna ma jibqax ikollha dritt għal btala f’dak il-jum imsemmi…u kull liġi, kuntratt jew att kif intqal qabel għandu jkollu effett f’dan is-sens.”
Ir-realtà hi li l-ILO qed toġġezzjona għal dan il-kliem li ddaħħal mill-gvern Laburista fl-1975. Fil-fatt, huwa ċar li kieku xi hadd ressaq l-ilment quddiem l-ILO qabel l-2005, il-pożizzjoni ta’ l-ILO kienet tkun bhal dik ta’ issa. Il-Gvern ifakkar ukoll li fi tletin sena sħah mill-1975 ’l hawn il-GWU qatt ma ressqet l-ebda ilment fuq il-parti tal-liġi tal-Gvern Laburista li dwarha l-ILO qed toġġezzjona.
Kien il-Gvern Nazzjonalista li fl-14 ta’ Marzu 1989 reġa’ daħħal fil-liġi btajjel pubblici li kien neħħa l-Gvern Laburista u fi spirtu ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali istitwixxa bħala Festi Nazzjonali Jum l-Indipendenza, Jum ir-Repubblika, Jum il-Ħelsien, it-Tmienja ta’ Settembru u s-Sette Giugno.
Kull ma għamel il-Gvern is-sena l-oħra, f’Marzu 2005, kien li dahhal fil-liġi dan li gej:
“B’effett mill-1 ta’ Jannar, 2005, meta Festa Nazzjonali jew btala pubblika mniżżla fl-Iskeda li tinsab ma’ dan l-Att taħbat fil-ġurnata tas-Sibt jew fil-ġurnata tal-Ħadd dik il-Festa Nazzjonali jew btala pubblika ma għandhiex titqies bħala btala pubblika għall-iskop illi jingħata jedd lil xi persuna għal jum ieħor ta’ leave ghal vaganza”.
L-ILO għamlitha ċara li hi bl-ebda mod ma hi qed tikkontesta l-validità ta’ dan il-provvediment.
Il-Gvern ifakkar li tul l-2004 il-Gvern għamel ħiltu kollha biex flimkien mal-Unions u l-Employers fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Socjali, jasal ghal Patt Soċjali li kellu jipprovdi għal ftehim fuq numru maqbul ta’ snin dwar miżuri li jsaħħu l-produttività u l-kompetittività tal-pajjiz f’qafas ta’ ġustizzja soċjali. Fost il-miżuri l-Gvern talab li għall-perjodu tal-ftehim, festi pubbliċi li jaħbtu s-Sibt u l-Hadd ma jiżdidux mal-leave għall-vaganzi. Filwaqt li l-partijiet soċjali kollha fl-MCESD kienu waslu għal Patt Soċjali, kienet il-GWU waħedha li ma ridetx ftehim fl-interess nazzjonali. Il-Gvern ma kellux triq ohra ħlief li, wara xhur ta’ konsultazzjoni u negozjati, jieħu l-miżuri li deherlu mehtiega fl-interess nazzjonali, fosthom din dwar il-festi pubbliċi li jaħbtu s-Sibt jew il-Ħadd. Dan kollu juri kemm il-Gvern bil-fatti jiddjaloga u jikkonsulta l-partijiet soċjali fl-aqwa spirtu ta’ negozjar kollettiv li jwassal għal konsensus nazzjonali, u kienet biss il-GWU li irrifjutat tikkollabora fl-interess tal-pajjiż u allura tal-haddiema.
Bil-pożizzjoni tagħha l-GWU qed tgħid li ma kienx ikollha bażi li tressaq l-ilment tagħha quddiem l-ILO kieku l-Gvern naqqas il-festi pubbliċi. Iżda l-Gvern għazel it-triq li l-anqas li taffettwa l-ħaddiema filwaqt li żżid xi ġranet ta’ xogħol. Il-Gvern s’issa għażel li ma jneħħix mill-festi pubbliċi bl-iskop li min jinzerta xogħol f’dawn il-festi li jaħbtu s-Sibt jew il-Hadd jitħallas bir-rati dovuti ta’ festi pubbliċi. Min-naħa l-oħra l-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-bżonn li l-pajjiż ikompli jaħdem biex itejjeb il-produttività tiegħu.
Ir-rizultati pożittivi tal-miżuri tal-Gvern qegħdin hemm għal kull min irid jarahom, fosthom it-tnaqqis tad-defiċit u tkabbir ta’ l-ekonomija permezz taż-żieda fil-Prodott Gross Domestiku. Din hi indikazzjoni mill-aktar ċara li d-direzzjoni li indika l-Gvern lill-partijiet soċjali fl-MCESD fl-2004 meta kien qed jigi negozjat il-Patt Socjali kienet direzzjoni tajba li tagħti l-frott.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-Gvern ser:
1) Jibqa’ impenjat fil-politika tiegħu favur id-djalogu soċjali;
2) Isostni l-miżura li ha bil-liġi s-sena l-ohra li meta festa pubblika taħbat is-Sibt jew il-Ħadd din ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala festa pubblika għall-finijiet li jiżdied xi jum ieħor ta’ leave għall-vaganzi;
3) Jemenda l-parti tal-liġi li kien għadda l-Gvern Laburista fl-1975 b’mod li jġibha konformi mal-Konvenzjonijiet ta’ l-ILO dwar in-negozjar u l-ftehim kollettiv, u għal dan l-iskop ippreżenta mozzjoni għall-Ewwel Qari ta’ Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Festi Nazzjonali u Btajjel Pubbliċi Oħra (Kapitolu 252 tal-Ligijiet ta’ Malta).
Fl-aħħarnett, il-Gvern ifakkar li l-Konvenzjoni dwar il-Liberta` ta’ Assocjazzjoni u l-Ħarsien tad-Dritt li Torganizza (numru 87) u l-Konvenzjoni dwar id-Dritt li Torganizza u Tinnegozzja Kolletivament (numru 98) ġew ratifikati minn Malta fl-4 ta’ Jannar 1965 minn Gvern Nazzjonalista. Fil-fatt, kienu biss Gvernijiet Nazzjonalista li rratifikaw konvenzjonijiet ta’ l-ILO, u ebda Gvern Laburista, lanqas meta kellu l-GWU miegħu fil-Kabinett, ma indenja ruħu jirratifika ta’ l-anqas konvenzjoni waħda b’risq il-ħaddiema.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958