Left arrow Go Back

DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA WAQT PRANZU STATALI MOGĦTI MILL-EĊĊELLENZA TAGĦHA DR. VAIRA VIKE-FREIBERGA, PRESIDENT TAL-LATVJA – RIGA - IT-TNEJN, 19 TA’ ĠUNJU 2006

pr0926
Date Icon 19/06/2006

Sinjura President u Professur Freiberga
Eċċellenzi
Mistednin distinti  

Huwa ta’ unur u pjaċir kbir għalija li qed nagħmel din iż-żjara statali fil-Latvja.  Din l-okkażjoni hija sinifikanti għaliex hija l-ewwel żjara li qatt saret fil-Latvja minn Kap ta’ l-Istat ta’ Malta. 

Eċċellenza 

Kemm il-Latvja kif ukoll Malta huma mogħnija b’wirt kulturali varjat u rikk u t-tnejn għandhom sens qawwi ta’ identita` nazzjonali, kif ukoll rwol x’jiżvolġu fix-xena Ewropea u f’dik internazzjonali.  Huma t-tnejn iħaddnu l-istess valuri u ideali supremi u impenn komuni biex fl-Ewropa jkollna prosperita` u sigurta`. 

Malta qiegħda f’salib it-toroq tal-Mediterran, f’nofs triq bejn Ġibilta` u l-Kanal tas-Swez u bejn in-nofsinhar ta’ l-Ewropa u t-Tramuntana ta’ l-Afrika; il-Latvja qiegħda f’salib it-toroq ta’ l-Ewropa tat-Tramuntana u dik tal-Lvant.  Dawn ir-rotot intużaw sa mill-qedem minn traffiku kontinwu ta’ negozjanti u ħakkiema, u ma satax jonqos li dawn iż-żewġ pajjiżi jsiru pedini fil-logħba tagħhom għall-kisba tal-poter.  Il-pożizzjoni strateġika taż-żewġ pajjiżi influwenzat bil-kbir il-ġrajjiet storiċi u kulturali tagħhom. 

Għalkemm mogħnija b’kultura Ewropea, iż-żewġ pajjiżi għandhom minsuġa fihom kwalita` li tolqtok meta tikkunsidra d-daqs ta’ l-art tagħhom.  Huma għandhom esperjenzi u rabtiet storiċi li jixxiebħu: Malta li għaddiet minn perjodi twal ta’ ħakma minn potenzi barranin, il-Latvja bl-istorja twila tagħha ta’ invażjonijiet, okkupazzjonijiet u annessjoni furzata – it-tnejn bla ma qatt ċedew id-determinazzjoni tagħhom li jwettqu l-ħolma ta’ Stat sovran u indipendenti. 

Eċċellenza 

Il-Latvja u Malta ilhom aktar minn sentejn Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.  Matul dawn is-snin, ipparteċipajna fil-proċess ta’ l-iżvilupp ta’ l-Unjoni Ewropea.  Irratifikajna t-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea u b’hekk urejna fehmitna dwar il-futur ta’ l-Ewropa.  Ħaddanna l-valuri fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, inklużi l-liberta` u s-sovranita`, il-paċi u s-sigurta` kif ukoll id-demokrazija, is-supremazija tal-Liġi u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem  -  U fihom sibna espressjoni tal-valuri fundamentali nazzjonali tagħna. 

L-adozzjoni ta’ Trattat bażiku jew Karta għall-Unjoni Ewropea sa tkun pass fid-direzzjoni t-tajba biex insaħħu d-dimensjoni politika ta’ l-Unjoni.  Aktar minn hekk din tiżgura l-kapaċita` biex l-istituzzjonijiet tagħha jiffunzjonaw b’mod effettiv u jifformulaw strateġiji koerenti kapaċi li jiffaċċjaw l-isfidi tat-tkabbir ekonomiku u tas-sigurta`. 

Eċċellenza 

F’Malta aħna nammiraw il-kisbiet kbar li għamel il-poplu tal-Latvja.  Bilkemm għaddew ħmistax–il sena mindu ħadtu l-Indipendenza tagħkom mill-ġdid.  Matul dan il-perjodu relattivament qasir, mill-elf disa’ mija u wieħed u disgħin ‘l hawn, il-Latvja rnexxielha ġġedded u tiżviluppa demokrazija stabbli, tittrasforma l-ekonomija tagħha f’ekonomija prospera b’suq ħieles u terġa’ tikseb il-post xieraq tagħha fil-familja tan-nazzjonijiet Ewropej. 

Dan l-aħħar Malta wkoll għamlet bosta riformi fundamentali, mhux l-anqas bi preparazzjoni għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.  Jidhirli li l-Unjoni Ewropea kellha effett straordinarju bħala katalista li ħajret lill-pajjiżi jilqgħu r-riforma.  Nixtieq nifraħ liż-żewġ pajjiżi tagħna kif ukoll lill-membri l-oħra ġodda ta’ l-Unjoni Ewropea talli għaddew b’suċċess minn din il-prova hekk diffiċli. 

Eċċellenza 

Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Latvja resqu iżjed qrib xulxin f’dawn l-aħħar snin.  Eċċellenza, fil-kliem li inti stess esprimejt waqt l-indirizz tiegħek waqt iż-żjara statali fi Frar ta’ l-elfejn u erbgħa “Bħala kollegi fil-vjaġġ komuni lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-Popli ta’ Malta u tal-Latvja saru jafu lil xulxin aħjar, biex jiskambjaw l-esperjenzi tagħhom u jappoġġaw lil xulxin fejn hemm bżonn.”  Issa qegħdin bħal qatt qabel f’pożizzjoni biex ngħaqqdu l-isforzi tagħna ħalli nibnu Ewropa ġdida u aħjar. 

Il-pajjiżi tagħna għandhom rwol x’jiżvolġu mhux biss fl-Unjoni Ewropea iżda wkoll fil-komunita` internazzjonali.  Albert Einstein kien ġie kkwotat li qal li “ladarba naċċettaw il-limiti tagħna nistgħu mmorru lil hinn minnhom”.  Naħseb li Malta u l-Latvja sebqu l-limiti tagħhom.  Sewwa kien intqal li mhux il-kobor tat-territorju ta’ pajjiż jew tal-popolazzjoni tiegħu l-aktar li jgħoddu, iżda l-qawwa ta’ l-ideat tiegħu, iċ-ċarezza tal-viżjoni tiegħu u l-kwalita` tal-kontribuzzjoni tiegħu b’riżq il-ġid komuni. 

Bl-aħħar tkabbir, l-Unjoni Ewropea wessgħet il-fruntieri u kisbet ġirien ġodda.  Il-Latvja u Malta t-tnejn huma fuq il-fruntiera ta’ l-Unjoni Ewropea li ġeografikament jinsabu fit-truf nett ta’ l-Unjoni: Malta ssaħħaħ id-dimensjoni tan-nofsinhar ta’ l-Unjoni, waqt li l-Latvja tikkristallizza d-dimensjoni tat-tramuntana.  Malta tara lilha nnifisha, u jarawha, bħala pont bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq, bħalma l-Latvja minn dejjem kienu jarawha bħala pont, bieb fejn il-lvant jiltaqa’ mal-punent. 

Il-Latvja u Malta hemm tifridhom distanza ġeografika kbira.  Il-Latvja tinsab f’pożizzjoni strateġika fuq ix-xtut tal-Baħar Baltiku u tagħti importanza kbira lill-kooperazzjoni dejjem iżjed mill-qrib bejn l-għaxar pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar Baltiku u lit-tkabbir ta’ relazzjonijiet aktar viċini mal-ġirien tal-lvant ta’ l-Unjoni Ewropea.  Malta tinsab fir-reġjun tal-Mediterran u taħdem għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet aktar mill-viċin mal-ġirien tan-nofsinhar ta’ l-Unjoni.  Pilastru ewlieni tal-politika barranija tagħna huwa dak li nistinkaw għall-istabbilta` u s-sigurta` tar-reġjun Mediterranju.  Għalhekk hija ħaġa ovvja li ż-żewġ pajjiżi tagħna jisħqu ħafna fuq il-Politika Ewropea tal-Pajjiżi Ġirien ta’ l-Unjoni Ewropea. 

Malta u l-Latvja huma sħab ta’ min jorbot fuqhom biex tinbena Ewropa magħquda.  Fil-fehma tiegħi mindu l-Latvja reġgħet kisbet l-indipendenza, il-politika ta’ l-integrazzjoni saret kwestjoni kardinali fil-politika interna tal-pajjiż.  L-integrazzjoni kontinwa tad-diversi komunitajiet etniċi tagħha tiżgura li l-Latvja jkollha stabbilta` dejjiema u prosperita` għall-futur.  Min-naħa l-oħra, l-isfida li qed tiffaċċja Malta, hija dik ta’ influss, li qatt qabel ma kellna bħalu, ta’ immigranti irregolari, li qed ipoġġi piż sproporzjonat fuq ir-riżorsi limitati tal-gżira tagħna.  Dan il-fenomenu qed jittestja b’mod qawwi l-kapaċita` ta’ l-istati Ewropej tal-Mediterran biex ilaħħqu ma’ dan li jidher qisu influss ma jaqta’ xejn ta’ nies.  Din hija sfida komuni għall-Ewropa li titlob sforz kollettiv u unit. 

Din iż-żjara fil-Latvja wara l-istedina ġentili ta’ l-Eċċellenza Tiegħek tikkonferma r-relazzjonijiet eċċellenti ta’ bejnietna u l-fehma soda li għandna li nsaħħu r-rabtiet ta’ kooperazzjoni u komplimentarjeta`.  Inħossni fiduċjuż li maż-żmien il-ħbiberija u l-għaqda li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna ser jitkattru u jissaħħu. 

B’dawn il-ħsibijiet nistedinkom, Eċċellenzi, Sinjuri, tixorbu bis-saħħa ta’ l-Eċċellenza Tagħha l-President Vaira Vike-Freiberga u ta’ żewġha l-Professur Freibergs u bis-saħħa tal-prosperita` u l-ħbiberija bejn il-Popli ta’ Malta u dak tal-Latvja.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow