Left arrow Go Back

Wirja ta’ Frott u Ħxejjex – Siggiewi

pr0918
Date Icon 19/06/2006

Is-Segretarju Parlamentari responsabli ghall-Biedja u Sajd, Dr Francis Agius, il-bieraħ inawgura wirja ta’ ħxejjex u frott frisk organizzata mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. Meta kien qed jindirizza lill-bdiewa presenti, Dr Agius fakkar kif il-Gvern qed ikompli jinvesti f’dan is-settur u fakkar fil-ħidma li saret matul is-sena li għaddiet.

Dr Agius fakkar kif fil-Pitkalija sar investiment ta’ 1.4 miljun euro. Dan l-investiment kien marbut mar-ristrutturar tal-pitkalija taħt il-Ħames Protokoll Taljan biex jitwaqqaf ċentru tal-grading station. L-Istituto Agronomico del Mediterraneo ta’  Bari (IAMB) organizza taħriġ kemm dak prattiku u wkoll dak  tekniku. Impjegati mill-Ministeru u membri minn għaqdiet tal-bdiewa segwew taħrig f’Bari l-Italja dwar l-operat tal-pitkalija li għandha grading station ukoll. Fuq pjan li fassal il-Ministeru għal din ir-riforma fil-pitkalija ġew identifikati diversi prioritajiet li fuqhom qed niggwidaw il-bdiewa tagħna bil-għan li l-grading tal-prodott jiddaħħal gradwalment sabiex kulħadd jaddotta ruħu għas-sistema ta’ grading tal-prodott fuq ir-razzett.

Suċċess fil-producers’ organizations

Dr Agius kompla jispjega kif illum fil-biedja tagħna daħħalna l-kunċett gdid ta’ producers’ organization (PO’s) jew l-għaqdiet tal-produtturi. Dan huwa ukoll prodott tar-ristrutturar li qed issir fil-biedja Maltija.. F’dawn l-għaqdiet tal-produtturi nsibu 824 membru. Dawn l-għaqdiet tal-produtturi fasslu operational program li l-ispiża tagħhom ser tiġi tiswa LM275,00. Billi issa aħna membri ta’ l-Unjoni Ewropea, l-istess Unjoni Ewropea ser tħallas LM137,500, nofs l-ispiża totali.

L-Industrija taż-Żebbuġ.

Is-settur taż-żebbuġ, qal Dr Agius, bħala pajjiż Mediterranju ġie identifikat minn dan il-Gvern bħala settur li l-bdiewa tagħna jistgħu jiddiversifikaw fih. Twaqqaf ir-reġistru taż-żebbuġ fejn ġew identifikati 1200 tomna jew (140 ettaru). In-numru uffiċjali rikonoxxut ta’ għassara li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa hu ta’ 3 f’Malta u wieħed f’Għawdex. Il-produzzjoni fl-2004 kienet ta’ 10 tunnellati ta’ żejt u din is-sena din telgħet għal 120 tunnellata;  40 minnhom f’Għawdex.

Is-settur tad-dwieli jikber minn 710 ettaru għal 840 ettaru.

Is-settur tad-Dwieli qed jiffjorixxi u qed naraw ukoll investiment qawwi minn naħa ta’ dawn il-kumpaniji Maltin, qal Dr Agius. Tajjeb li wieħed isemmi li l-Gvern huwa impenjat li anke hawn jagħti l-għajnuna kollha tiegħu ħalli b’hekk inkomplu nwettqu l-politika tagħna li nikkompetu u li nippromwovu l-inbid tagħna.

Fis-sena 2001 kellna 345 ettaru jew inkella cirka 3000 tomna ta’ dwieli. Fl-2004 dawn telgħu għal 710 ettari jew 6300 tomna ta’ dwieli. Fl-2005 il-figura telgħet għal 840 ettaru li huma ċirka 7500 tomna ta’ dwieli. Dan ifisser żieda ta’ iktar minn 1200 tomna f’sena.  Dan ifisser li l-bdiewa għandhom fiduċja f’dan is-settur tant li qed jimpenjaw ruħhom biex iħawlu d-dwieli u anke li l-bidwi qed jitgħallem jiddiversifika ir-raba’ tiegħu. Fl-Għammieri nxtara l-apparat tal-microvinification u sar laboratorju għall-inbejjed li minnu ser jibbenefikaw l-għassara.

Matul is-sena li għaddiet b’kollox għasarna 60,000 hectolitres ta’ inbid. Diġa’ tfasslet il-liġi Nazzjonali ta’ l-inbid li tkopri inbid ta’ kwalita’ prodott f’reġjun determinat dik li hija mgħarufa bhala id-DOK (Denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata). Ma’ din il-liġi ser ikun kopert ukoll ILT (Inbid ta’ Lokalita’ Tradizzjonali). It-tfassil ta’ din il-liġi bħalissa jinsab għand l-għassara ħalli jkunu jistgħu jagħtu l-kummenti tagħhom. Il-Gvern qed jippjana illi mill-programm ta’ l-Unjoni Ewropea Interreg arcimed ikun jista’ jibbenefika madwar 3 miljun euro biex  tinbena l-enoteka fil-Buskett. Grupp ta’ esperti Taljani qegħdin jgħinu lill-Ministeru biex wara li jitfassal il-ftehim dan  il-grupp ikun jista’ jmexxi x-xogħlijiet skond il-programm miftiehem.

Dr Agius għalaq il-messagg tieghu billi rringrazzja il-bdiewa talli qed jikkoperaw  biex ikompli b’dan ir-ristrutturar li qieghed isir f’dan il-qasam. “Grazzi ukoll lilkom il-konsumaturi talli tixtru l-prodott frisk lokali u b’hekk tkunu qed tgħinu il-bdiewa tagħna”, temm jghid Dr Agius.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow