STĦARRIĠ TA’ L-OPINJONI PUBBLIKA JURI BIĊ-ĊAR LI L-MALTIN JIPPREFERU JIXTRU PRODOTT AGRIKOLU MALTI: 95% TAL-MALTIN HUMA SODISFATTI BIL-KWALITA’ TAL-FROTT U L-ĦXEJJEX LOKALI
“Vot ta’ fiduċja fix-xogħol bla heda li qed isir mill-bdiewa, ir-raħħala u l-agro- proċessuri…vot ta’ fiduċja wkoll fil-ħidma u l-politika tal-gvern biex jgħin lill-bdiewa jsaħħu l-prodott agrikolu Malti fl-interess tagħhom u tal-konsumatur.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Agrikoltura u Sajd Dr Francis Agius.
Bħala parti mill-public awareness campaign tad-Dipartiment ta’ l-Iżvilupp Rurali ġew ikkummissjonati żewg studji xjentifiċi li saru mill-MISCO. Din kienet l-ewwel darba li saru studji xjentifiċi sabiex jeżaminaw l-opinjoni tal-Maltin dwar il-prodott agrikolu lokali. L-ewwel studju li sar u li issa ġie ffinalizzat kien stħarrig xjentifiku ta’ l-opinjoni pubblika li sar fost 300 persuna.
L-istħarriġ sar wiċċ imb’wiċċ bl-iskop li wieħed seta’ jidħol fid-dettall dwar ix-xejriet tal-Maltin u l-preferenzi tagħhom meta jiġu biex jixtru frott u ħaxix, kif ukoll dwar suġġetti relatati ma’ l-agrikoltura, l-izvilupp rurali u l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar dawn l-oqsma. It-tieni stħarriġ, li qed jiġi ffinalizzat, qed isir fost numru ta’ bdiewa sabiex tiġi studjata l-fehma tagħhom dwar is-settur agrikolu Malti u kif dan is-settur jista’ jkompli jissaħħaħ.
Bħala parti mill-public awareness campaign tad-Dipartiment ta’ l-Iżvilupp Rurali ser jiġi organizzat ukoll taħriġ għall-uffiċjali agrikoli biex itejbu l-mod kif jikkomunikaw mal-bdiewa u r-raħħala kif ukoll mal-pubbliku in ġenerali. Il-kampanja kienet tinkludi ukoll pubblikazzjoni dwar għadd ta’ miżuri li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-bdiewa din is-sena. Din il-pubblikazzjoni ntbagħtet fid-djar tal-bdiewa kif ukoll tqassam fuljett fid-djar kollha f’Malta u Għawdex dwar l-importanza li wieħed jirreġistra l-art agrikola li jaħdem sabiex ikun eleġibbli għall-fondi allokati għal Malta sa l-2013.
Il-kampanja tinkludi wkoll riklami fuq stazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni, ġurnali u rivisti kif ukoll parteċipazzjoni minn uffiċjali agrikoli f’diversi programmi televiżivi u fuq ir-radju. Il-kampanja ser tinkludi wkoll pubblikazzjoni mmirata sabiex teduka t-tfal. Parti mill-kampanja kienet tinkludi wkoll position paper minn esperti fil-qasam tal-komunikazzjoni dwar kif il-gvern jista’ jsaħħaħ il-mod kif jikkomunika mal-bdiewa, ir-raħħala, il-konsumatur u l-pubbliku in ġenerali.
Il-bdiewa u r-raħħala għandhom sa nofs ix-xahar id-dieħel sabiex japplikaw għal numru ta’ miżuri li għadhom miftuħin sabiex jakkwistaw aktar fondi din is-sena. Kemm ilha fl-Unjoni Ewropea Malta kienet allokata ma’ l-40 miljun ewro f’għajnuna għall-bdiewa, ir-raħħala u l-iżvilupp rurali. Huwa stmat li Malta issa ġiet allokata mat-80 miljun ewro oħra f’għajnuna simili li ser tingħata bejn l-2007 u l-2013.
L-istħarriġ xjentifiku fost il-pubbliku wera biċ-ċar li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin huma sodisfatti bil-prodott agrikolu Malti u li jippreferu jixtru frott, ħxejjex u prodott agrikolu pproċċessat Malti.
Ir-riżultat ta’ l-istħarriġ xjentifiku joħroġ fil-beraħ xejriet pożittivi ħafna li juru apprezzament għall-ħidma li qed issir mill-bidwi, ir-raħħal u l-agro proċessur kif jindika b’mod ċar li l-pubbliku in ġenerali qed japprova l-politika li miexi biha l-gvern li jaderixxi mar-regoli ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea u fl-istess nifs ikun ta’ għajnuna għall-bidwi u r-raħħal Malti. Dawn huma x-xejriet prinċipali li ħarġu mill-istħarriġ xjentifiku li sar fil-ġimgħat li għaddew:
- 95% tal-Maltin huma sodisfatti bil-prodott agrikolu Malti – 5% biss mhumiex sodisfatti;
- 74% tal-Maltin isostnu li meta jixtru l-prodott agrikolu Malti ikunu qed jieħdu valur tajjeb għall-flus li jkunu qed iħallsu;
- 93% tal-Maltin jemmnu li l-prodott agrikolu Malti huwa ta’ kwalita’ tajba;
- 71% tan-nies intervistati jemmnu li l-prodott Malti qed jiġi ppreżentat tajjeb lill-konsumatur ;
- 77% tal-Maltin jaħsbu li hawn biżżejjed varjeta’ ta’ prodotti agrikoli lokali fuq is-suq Malti ;
- Il-maġġoranza tal-Maltin (72.3%) jagħtu kaz jekk il-frott u l-ħaxix li jkunu ser jixtru ikunux lokali jew impurtat;
- Il-maġġoranza tal-Maltin (76%) jinnutaw ukoll jekk il-laħam li ser jixtru ikunux lokali jew le;
- Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin (71.3%) jippreferu jixtru frott, ħaxix, laħam u prodotti agrikoli oħra lokali milli prodotti impurtati ;
- Il-Maltin jippreferu jixtru prodott agrikolu lokali għaliex huwa iktar frisk, itjeb minn prodott impurtat, aktar ġenwin u li permezz t’hekk jaħsbu li jkunu qed jgħinu l-ekonomija u l-industrja lokali ;
- Fattur interessanti huwa li fl-aħħar 12-il xahar 9.3% tal-Maltin xtraw iktar inbid lokali milli kienu jixtru qabel filwaqt li l-maġġoranza assoluta baqgħu jixtru l-istess ammont ta’ inbid lokali ;
- 82% tal-Maltin jafu li hemm fondi mill-Unjoni Ewropea speċifikament immirati biex jgħinu l-bdiewa Maltin.
- Parti l-kbira tal-poplu Malti (44.3%) jsostnu li l-fatt li hemm fondi biex jgħinu s-settur agrikolu Malti biddlet l-aspettativa tagħhom tal-prodott agrikolu Malti. Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin jistennew prodott ta’kwalita’ ogħla bi preżentazzjoni tajba;
- Il-maġġoranza tal-Maltin jemmnu li l-prodott agrikolu Malti tbiddel f’dawn l-aħħar sentejn. 98.9% ta’ dawk li jaħsbu li l-prodott tbiddel isostnu li l-kwalita issa hija aħjar u 1.1 % biss isostnu li l-kwalita tal-prodott Malti marret għall-agħar ;
- 72% tal-Maltin jafu li l-bdiewa Maltin issa qed isegwu gwidi u regolamenti Ewropej dwar l-użu tal-pestiċidi, l-fertiliżazzjoni artifiċjali u r-regolamenti dwar t-trattament tajjeb ta’ l-annimali. 41% jahsbu li dawn ir-regolamenti qed jigu osservati filwaqt li 24.3% isostnu li mhumiex qed jiġu osservati ;
- 64.3% tal-Maltin isostnu li r-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-agrikoltura huma vantaġġjuzi għal Malta; 19.3% jgħidu li m’humiex vantaġġjuzi u 16.3% ma jafux.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall Biedja u Sajd, Dr Francis Agius, sostna li r-riżultati ta’ dan l-istħarriġ xjentifiku juru biċ-ċar li l-ħidma tal-bdiewa, ir-raħħala u l-agro proċessuri biex isaħħu l-prodott agrikolu Malti qed tħalli l-frott tagħha. Huwa sostna wkoll li r-riżultat ta’ dan l-istħarrig huwa ċertifikat tajjeb għall-politika tal-gvern li jassigura kwalita’ u standards Ewropej u min-naħa l-oħra jagħti sostenn lill-bdiewa biex jinvestu sabiex ikomplu jtejbu l-prodott tagħhom.
Dr Agius stqarr li huwa ta’ sodifazzjon kbir li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin jippreferu jixtru prodotti lokali filwaqt li jirikonoxxu li r-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea dwar is-settur agrikolu huma ta’ benefiċċju għall-pajjiż. Forsi l-iktar fattur li huwa pożittiv, sostna Dr Agius, huwa l-fatt li l-Maltin stqarrew li f’dawn l-aħħar sentejn kien hemm titjib fil-kwalita’ tal-prodott agrikolu Malti. Dr Agius stqarr li l-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea qed iservu biex il-bdiewa u r-raħħala Maltin ikunu jistgħu jinvestu fil-prodott agrikolu Malti.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958