Diskors tal-għeluq mill-Onor. Tonio Fenech, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi waqt Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Nazzjonali gĦall-Bidla ta’ l-Ewro (NECC) - Dar il-Mediterran gĦall-Konferenzi, VALLETTA - 15 ta’ Ġunju 2006
Introduzzjoni
Nixtieq nibda billi nuri l-apprezzament tiegħi għall-parteċipazzjoni tagħkom f’din is-sessjoni ta’ dal-għodu li qed tniehdi t-tieni Master Plan għall-bidla għall-ewro. L-iskop ta’ dan id-dokument hu li bil-kontribuzzjoni tal-partijiet kollha jipprovdi direzzjoni għal bidla għaqlija għall-ewro. Nixtieq infakkar li l-mira għall-addozzjoni tal-ewro hija inqas minn 19-il xahar bogħod. Huwa għalhekk importanti li kulħadd jagħti prijorita’ lill-preparazzjoni għall-bidla għall-ewro, sabiex it-tranżizzjoni għall-munita waħda tkun mingħajr xkiel.
L-ewro – parti minn strateġija ekonomika razzjonali
L-addozzjoni tal-ewro hija għodda mportanti għall-prospetti fit-tul tal-ekonomija Maltija. Hija parti mill-istrateġija ekonomika tal-Gvern, li tara lil Malta bħala “ekonomija dinamika u b’valur miżjud, mibnija fuq kompetenza, abilita’, eċċellenza u kapaċita’ li tagħti livell għoli ta’ għixien għall-poplu kollu tagħha”. L-addozzjoni tal-ewro se tirrappreżenta wkoll pass ieħor fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, li permezz tagħha Malta ssir membru sħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU).
L-ekonomija ta’ Malta diġa qed turi sinjali tajbin li qed tirkupra bit-tkabbir ta’ 2.5% fl-2005 u dan ġie sostnut fl-ewwel kwart ta’ din is-sena bi tkabbir ta’ 3.1%. Dan jenħtieġ li nibqgħu nsostnuh fl-isfond tal-isfidi kontinwi li pajjiżna qed jaffaċċja b’mod partikolari l-pressjoni taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet taż-żejt, li qed tagħmel pressjoni mhux żgħira fuq l-ekonomija Maltija.
Filwaqt li jirrikonoxxi l-progress reġistrat f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern huwa konxju li biex jiġu megħluba dawn l-isfidi, irridu nassiguraw li l-ekonomija tagħna ssir aktar kompetittiva u dinamika billi jiġu effettwati aktar riformi strutturali. Dawn jinkludu nvestiment kontinwu fl-edukazzjoni u t-taħriġ, titjib fl-infrastruttura, konformita’ mal-aħħar teknoloġija, żieda fir-rata ta’ attivita u titjib fil-flessibilta’ fis-swieq tax-xogħol. Il-Gvern iħares lejn l-ewro bħala għodda mportanti li se tiffaċilita l-mod kif jintlaħqu dawn l-oġġettivi.
Il-benefiċċji tal-addozzjoni tal-Ewro
M’hijiex l-intenzjoni tiegħi li nispjega fid-dettal il-ħafna benefiċċji ekonomiċi kemm macro kif ukoll micro riżultat tal-addozzjoni tal-ewro. Iżda, nixtieq insemmi aspett partikolari li huwa relevanti għal Malta. Minħabba d-daqs żgħir u d-dipendenza għolja fuq il-kummerċ u l-vulnerabilita’ tas-sistema finanzjarja tagħna għal pressjonijiet esterni.
Għalkemm is-sistema finanzjarja lokali ħadmet tajjeb tul is-snin, dawn il-vulnerabilitajiet jispiċċaw bl-addozzjoni tal-ewro. F’dak l-istadju, Malta ssir post b’aktar ċertezza fejn wieħed jista’ jinvesti u jagħmel in-negozju – prerogattiva għal tkabbir ekonomiku sostenibbli. Dan, ikkumplimentat bi tnaqqis fl-ispiża għal self, tnaqqis fl-ispiża għal foreign exchange transactions, u trasparenza akbar fil-prezzijiet li twassal għal żieda fl-effiċjenza u titjib fil-prospetti għat-tkabbir ekonomiku.
Stadji importanti fl-addozzjoni tal-ewro
F’Mejju 2005, sena biss wara s-sħubija fl-Unjoni Ewropea, Malta ssieħbet fl-Exchange Rate Mechanism II (ERM II). Din id-deċiżjoni kienet tabilħaqq milqugħa tajjeb mis-swieq finanzjarji, għaliex għolliet il-livell ta’ ċertezza dwar il-prospetti ta’ Malta għall-ewro. Il-perjodu fl-ERM II kien ikkaratterizzat minn livell ta’ stabilita għolja s’issa u, jekk kollox jibqa’ kostanti, il-Lira m’għandiex tesperjenza xi tensjonijiet kbar fil-fażi tal-ERM II. Dan ġie kkonfermat reċentement mill-Aġenzija ta’ Kreditu Internazzjonali Moody’s meta f’Marzu li għadda għolliet ir-rating ta’ pajjiżna minn “stabbli” għal wieħed “pożittiv” minħabba l-impenn ta’ pajjiżna li jidħol fl-ewro.
Il-programm għall-konsolidazzjoni fiskali miexi skond kif proġettat u, fl-2006 id-defiċit pubbliku ser jinżel għal anqas minn 3% tal-PGD. Il-kontroll tad-defiċit u d-dħul mill-privatizzazzjoni kkontribwixxew ukoll sabiex jitnaqqas id-dejn nazzjonali. L-inflazzjoni, min-naħa l-oħra, għoliet bl-effett taż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt, u għalkemm taħt il-limiti li huma stabbiliti fit-Trattat ta’ Maastricht, il-Gvern hu impenjat li jara li Malta tkun f’pożizzjoni li tattwa dan il-kriterju importanti.
Min-naħa l-oħra dan ikun jista’ jseħħ biss jekk kulħadd, jiġifieri l-Gvern, is-settur kummerċjali u l-konsumaturi jiġbdu ħabel wieħed.
Preparazzjonijiet għall-bidla b’suċċess fl-ewro
Meta mqabblin ma’ pajjiżi fil-euro area, il-pajjiżi msieħba ġodda bħal Malta għandhom il-vantaġġ li l-ewro huwa diġa’ fiċ-ċirkolazzjoni u għalhekk ħafna minna huma diġa’ familjari mal-karti u l-muniti ewro, li, għandhom jgħinu l-addozzjoni għall-munita ġdida. Dan għandu wkoll jiffaċilita l-bidla għax nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza prattika ta’ pajjiżi oħra.
Madanakollu, tajjeb li nenfasizza li l-membri li qedin fil-euro area kienu ilhom jippreparaw għall-bidla għall-ewro għal madwar sitt snin. Barra minnhekk, il-membri fil-euro area kellhom perjodu tranżizzjonali ta’ tliet snin minn fejn kienet introdotta l-ewro b’forma elettronika għall-bidla fil-muniti tal-ewro. B’kuntrast, għall-istati membri ġodda, l-perjodu li fih ir-rata tal-kambju tiġi ffriżata u d-data meta l-ewro tiġi ntrodotta huwa magħmul minn madwar 6 xhur biss. Il-perjodu relattivament qasir inaqqas b’mod sinifikanti iż-żmien għad-dispożizzjoni biex tiġi mplimentata l-bidla. Jiena għalhekk nappella lill-organizzazzjonijiet kollha – kemm dawk fil-privat kif ukoll dawk fis-settur pubbliku – biex igħaġġlu r-ritmu għall-preparazzjoni u biex jibqgħu fuq il-passi tal-linji gwida li qed iniehdu n-National Euro Changeover Committee (NECC).
Il-qafas legali għall-addozzjoni tal-ewro kif magħżul mill-Gvern ta’ Malta huwa l-big bang, iżda għandu perjodu ta’ phasing out. Dan ifisser li l-ewro ser issir il-munita legali fl-1 ta’ Jannar 2008, filwaqt li perjodu ta’ phasing out għall-użu tal-Lira Maltija ikun permess f’ċerti strumenti legali speċifiċi jew għall-skopijiet ta’ financial reporting. It-tul ta’ dan il-perjodu ta’ phasing out għad irid jiġi determinat.
Fir-rigward tal-bidla fil-munita, l-introduzzjoni tal-ewro se tirrappreżenta sfida fil-loġistika. Tajjeb napprezzaw li madwar Lm500 miljun f’karti ta’ flus iridu jiġu miġbudin mill-ekonomija u mibdula f’ewro.
L-esperjenza minn bidliet li saru qabel tindika wkoll li l-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja, jiġifieri, iż-żmien meta kemm l-ewro kif ukoll il-Lira Maltija ikunu fiċ-ċirkolazzjoni flimkien, għandu jinżamm l-iqsar possibbli. Dan inaqqas l-ispejjeż għall-operaturi kummerċjali u jevita wkoll xi dewmien fl-addozzjoni psikoloġika lejn munita waħda. F’dan ir-rigward ġie deċiż li l-perjodu għaċ-ċirkolazzjoni doppja għandu jkun fix-xahar ta’ Jannar 2008.
Impatt fuq l-iżvilupp fil-prezzijiet
Joħroġ ċar li l-akbar pre-okkupazzjoni għall-pubbliku in ġenerali huwa żieda li jista’ jkun hemm fil-prezzijiet meta niġu biex naddottaw l-ewro. Jidher li parti minn dan l-inkwiet ġej mill-esperjenza ta’ xi pajjiżi li diġa għaddew minn dan il-proċess u fejn il-perċezzjoni kienet li l-prezzijiet żdiedu b’riżultat ta’ din il-bidla. Tajjeb wieħed jenfasizza li studji ta’ statistika juru li ż-żieda fil-prezzijiet li setgħu jiġu attribwiti direttament għall-bidla kienu fil-fatt marġinali.
Jeħtieġ għalhekk li namministraw dan il-proċess bl-aħjar mod possibbli, li nedukaw, li jkollna skemi u għodod li jiffaċilitaw il-bidla, iżda wkoll impenn li ma nħallux l-abbuż tal-ftit itappan avveniment daqshekk importanti u storiku b’żidiet fil-prezzijiet mhux ġustifikati.
Għalhekk ninkoraġġixxi lill-operaturi tal-kummerċ biex jimxu mal-linji gwida għall-bidla li qed jinħarġu mill-NECC. Inħeġġeġ ukoll lill-pubbliku in ġenerali biex jinteressa ruħu f’dan il-proċess li żgur ser jolqtu mill-viċin.
Jeħtieġ li ngħidu lill-konsumatur jaddatta ruħu għall-munita l-ġdida kmieni kemm jista’ jkun. Kien għalhekk li l-Gvern wera l-preferenza li nibdew naraw il-prezzijiet biż-żewġ muniti mill-1 ta’ Jannar 2007.
Il-perjodu ta’ dual display għandu jgħin lill-konsumaturi biex jissorveljaw il-konverżjoni tal-prezzijiet u fl-istess ħin, ser jippermetti lill-kummerċjanti biex jidraw jinnegozjaw bil-munita l-ġdida.
Studji juru wkoll li f’bidliet li saru qabel, il-perċezzjoni tal-inflazzjoni kienet l-ogħla f’pajjiżi li kienu l-inqas infurmati fuq l-ewro. Biex tissaħħaħ il-kunfidenza tal-konsumaturi u biex tkabbar il-kredibilita’ tal-proċess tal-bidla għall-ewro, l-NECC nehdiet strateġija ta’ komunikazzjoni li kienet ippjanata tajjeb u li ser tiffoka biex teduka l-pubbliku in ġenerali fuq aspetti prattiċi relatati mal-bidla.
Il-kampanja se tħares ukoll lejn setturi diversi tas-soċjeta bħall-komunita’ tal-kummerċ, l-istudenti u t-tfal. Barra minnhekk, attenzjoni ser tingħata wkoll biex tiġi provduta informazzjoni lil gruppi vulnerabbli bħal per eżempju l-anzjani, l-illitterati u l-persuni b’diżabilita.
Konklużjonijiet
Minn dak li rajt illum, jidher li l-preparazzjonijiet għall-bidla għall-ewro mexjin b’ritmu tajjeb. Għalkemm dan huwa inkoraġġanti ħafna, irridu noqgħodu attenti li jinbidel dak kollu li hemm bżonn jinbidel, sabiex ma jkunx hemm riperkussjonijiet fil-futur.
F’dan l-istadju, huwa importanti li l-partijiet kollha jikkollaboraw mal-Gvern u mal-NECC bl-aktar mod professjonali u effiċjenti. Il-Gvern waħdu ma jistax iwettaq din il-bidla. Hemm bżonn li jkollna strateġija kordinata bbażata fuq pjan ta’ azzjoni b’saħħtu li kulħadd jaqbel miegħu. U propju għalhekk li ġejna hawn illum sabiex niddiskutu master plan importanti ħafna li ser jgħinna nottjenu tranżizzjoni għall-ewro effiċjenti u effettiva. Jiena ċert li s-sessjoni tal-llum kienet strumentali biex tibni n-networks neċessarji u tibda l-proċess għall-kollaborazzjoni bejn il-partijiet kollha.
Il-possibilta li nissieħbu fl-ewro f’Jannar 2008 jippreżentalna sfida ewlenija, li flimkien ser negħlbu u ndawwru f’opportunita’ unika għall-benefiċċju ekonomiku ‘il quddiem.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958