Il-jum dinji għall-għarfien dwar l-abbuż fuq l-anzjani - WORLD ELDERLY ABUSE AWARENESS DAY
Illum, 15 ta’ Ġunju 2006, id-dinja qed tiċċelebra l-‘World Elderly Abuse Awareness Day’ bil-ħsieb li titqajjem kuxjenza dwar il-pjaga ta’ l-abbuż fuq l-anzjani, fenomenu mifrux li sfortunatament ftit nisimgħu dwaru.
Huwa meqjus li bejn erba’ u sitta fil-mija mill-anzjani kollha tad-dinja huma suġġetti għal xi forma ta’ abbuż. Il-forom ta’ abbuż fuq l-anzjani huma ħafna. Fosthom insibu l-abbuż fiżiku, dak ta’ natura psikoloġika, l-abbuż finanzjarju jew materjali, dak sesswali kif ukoll forma negattiva ta’ abbuż fejn l-anzjani jiġu traskurati minn dawk li għandhom id-dmir li jieħdu ħsiebhom.
Wieħed mill-ikbar kaġuni ta’ l-abbuż fuq l-anzjani huwa l-fatt li l-anzjani spiss jinsabu f’qagħda ta’ dipendenza fuq ħaddieħor u li għalhekk ma jkunux jistgħu jiddefendu ruħhom mill-abbuż. L-idea ta’ anzjan dgħajjef hija spiss ukoll sterjotipu li jeżisti f’ħafna soċjetajiet, li jwassal biex l-anzjani faċilment jaqgħu fil-mira tan-nies li jwettqu l-abbuż.
L-individwi li jabbużaw mill-anzjani huma spiss dawk li jkunu l-iżjed qrib ta’ l-anzjani. B’hekk insibu li huma ħafna l-anzjani li jisfaw vittmi ta’ abbuż finanzjarju mill-qraba tagħhom li b’qerq u b’ingann jieħdu flus u proprjetà mill-persuna anzjana. Mill-banda l-oħra, fl-istituzzjonijiet residenzjali jew ta’ kura għall-anzjani, jista’ jeżisti l-fenomenu ta’ l-abbuż fiżiku jew psikoloġiku fuq l-anzjani mill-carers li jieħdu ħsiebhom. Minkejja li wieħed jifhem li mhux faċli li tieħu ħsieb l-anzjani, dan bl-ebda mod ma wieħed jista’ jittollera xi forma ta’ abbuż fuq l-anzjani, diffiċli kemm tkun diffiċli s-sitwazzjoni.
L-aqwa għodda biex jitnaqqas l-abbuż fuq l-anzjani hija bla dubju l-prevenzjoni. Din tista’ ssir billi l-anzjani jsiru iktar konxji mid-drittijiet tagħhom kif ukoll permezz ta’ iżjed sostenn għal dawk kollha li ta’ kuljum jieħdu ħsieb l-anzjani, speċjalment għal dawk li jieħdu ħsiebhom fi djarhom stess. Fl-aħħar mill-aħħar, biex tingħeleb din il-problema hemm bżonn li s-soċjetà tgħin lill-anzjani jsiru iktar konxji mill-ħiliet tagħhom u biex iħossuhom iktar kunfidenti fl-appoġġ li ser isibu la darba l-abbuż jiġi rrappurtat.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958