IL-KAPPELLA TA’ SANTA LUCIJA, MTARFA
Permezz tar-restawr li sar fuq diversi kapelli lokaliżżati f’żoni rurali madwar pajjiżna fl-aħħar tlett snin, illum wieħed jista` japprezza u jammira dawn it-teżori prezzjużi li pajjiżna huwa mgħoni bihom. Il-pożizzjoni ta’ dawn il-Kappelli, torrijiet u binjiet storiċi oħra tagħti lok għall-iżvilupp ta’ Heritage and Cultural Trail madwar iż-żoni rurali ta’ pajjiżna. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed iżur xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru fuq il-Kappella ta’ Santa Lucija fl-Imtarfa.
Ix-xogħol fuq din il-Kappella ma kienx jikkonsisti f’restawr tal-bini tal-Kappella biss iżda wkoll f’riabilitazzjoni tad-dawra tal-Knisja. Dan ix-xogħol jikkomprendi l-pavimentar mill-ġdid taz-zuntier, it-tiswija tal-ħitan tad-dawra, u xogħol relatat ma’ l-aperturi Din il-Kappella hi ta’ stil medjavali, tinsab f’żona rurali u l-ewwel darba li ssemmiet kien fl-1460. Fis-snin 50 kienu saru xogħlijiet strutturali fiha billi ngħaqdet mas-sagristija biex ikun hemm iktar post għall-komunita’ ta’ l-Imtarfa, kif ukoll inbniet sagristija oħra zgħira. Dan bidel għal kollox il-forma oriġinali tal-Knisja.
Fil-proġett ta’ restawr, li qiegħed isir wara talba tal-Kappillan u b’kollaborazzjoni mal-Kunsill, reġgħet ingħatat lura l-forma oriġinali tal-Kappella, kif ukoll tneħħiet il-binja miżjuda fil-ħamsinijiet. Il-Kappella kellha wkoll problemi ta’ umdita’ peress li t-trejqa ta’ mal-ġenb għoliet fil-livell maż-żmien, u spiċċat iktar il-fuq mil-livell intern tal-Kappella. Għaldaqstant, intervent ieħor importanti kien li jiġi ffurmat gandott man-naħa tal-absidi f’livell iktar baxx. Sar ir-restawr minn ġewwa kif ukoll minn barra tal-kappella, fejn internament reġgħu inkixfu l-kuluri oriġinali tagħha. Ġie rranġat ukoll id-deffun tal-bejt biex jiġi eliminat kull dħul ta’ ilma minn ġol-kontrabejt. Saret sistema ta’ l-elettriku ġdida, u sar mill-ġdid il-paviment b’ċangatura tradizzjonali.
In-numru ta’ kappelli restawrati fl-aħħar snin hu wieħed sinifikanti u dan sar grazzi għad-dedikazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni li jeżistu fil-kapaċitajiet tal-ħaddiema u l-professjonisti fis-sezzjoni tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru, tenna l-Ministru Zammit. Ix-xogħlijiet fuq din il-Kappella mistennija li jitlestew fl-aħħar ta’ Ġunju u wara huwa ppjanat li jinbdew ix-xogħlijiet fuq ir-restawr u l-konservazzjoni tal-Knisja l-Qadima fis-Siġġiewi.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958