TIŻWIEQA LETTERARJA
“Biċċa xogħol mill-aqwa u prattika tajba li għanda tiġi kkupjata minn skejjel oħra”. Din kienet ir-reazzjoni tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea meta kien ippreżentat bi ktieb li ġie ppublikat mill-istudenti tal-Liċeo Carlo Diacono taż-Żejtun. Il-Ktieb hu riżultat ta’ xogħol li sar mill-istudenti stess bħala parti mill-lezzjonijiet tal-letteratura. Il-ktieb jinkludi mat-80 poezija u novelli li ġew ispirati minn ritratti li ngħataw lill-istudenti mill-għalliema tagħhom is-Sinj. Sharon Micallef Cann
Dalgħodu grupp ta’ studenti mill-Liċeo Carlo Diacono ipprezentaw dan il-ktieb tax-xogħol tagħhom lill-Ministru Galea. L-istudenti spjegaw li t-“Tiżwiqa Letterarja” huwa ktieb b’differenza. Huma spjegaw lill-Ministru Galea li dan il-ktieb jiġbor fih esperjenza letterarja li 80 studenta għamlu s-sena li għaddiet. Il-proċess beda meta l-għalliema, s-Sinjorina Sharon Micallef Cann ħadet fil-klassi madwar tletin stampa u l-istudenti ġew mistiedna biex jagħmlu vjaġġ letterarju li matulhu jiskopru l-ġmiel, il-kobor u s-seħer tal-letteratura.
L-istudenti tal-ħames sena spjegaw kif kull tfajla qallbet u għarblet l-istampi kollha miġjuba sakemm eventwalment għażlet l-aktar stampa li għal xi raġuni jew oħra l-aktar li laqtitha. Kull tfajla għażlet dik l-istampa li magħha, identifikat xi ħaġa sew jekk hija xewqa, esperjenza jew saħansitra emozzjoni. Imbagħad l-istudenti ġew mistiedna biex jieħdu sehem f’konkors letterarju, konkors bejniethom stess li għalkemm kellu jkollu r-rebbieħa (l-aqwa tliet poeżiji u l-aqwa tliet novelli), kellu jlaqqagħhom mal-letteratura aktar mill-qrib.
Fi kliem l-istudenti stess, kien hawn li beda seħer il-letteratura għaliex minnufih dawn il-kittieba żgħażagħ ħallew ’il ħsibijiethom, ħsushom u xewqathom jimirħu tant li kull tfajla libbset lill-istampa magħżula l-emozzjonijiet, ix-xewqat u l-esperjenzi tagħha. Issa dawn it-tfajliet mhux aktar qraw poeżiji jew novelli ta’ persuni oħra, iżda issa kienu huma li bħall-kittieba ħallew l-emozzjonijiet tagħhom, ix-xewqat u l-esperjenzi li għexu jew mixtieqa, jduru ġo fihom u jinħarġu permezz ta’ pont il-kliem. Kienu huma li issa ppruvaw jiktbu, jħażżu, jagħżlu kelma u mhux oħra sabiex isarrfu ħsushom, xewqathom u ħsibijiethom f’damma ta’ klejmiet. Kienu huma li issa ppruvaw jużaw il-metafora, is-similitudni, l-antiteżi u figuri rettoriċi oħra li permezz tagħhom ippruvaw iwasslu l-isbaħ xbihat u jinsġu kollox b’sengħa sabiex il-poeżija jew in-novella tagħhom iddoqq għall-widna, isserraħ il-moħħ u tmur dritt fil-qalb.
L-istampa tal-qoxra kienet impenġija mill-istudenta Shaylah Grech filwaqt li s-Sur Johann Fenech flimkien ma’ l-għalliema Ms. Sharon Micallef Cann issettja u ppreżenta din l-antoloġija b’tiżwiqa ta’ dawl, ilwien u disinji mill-aktar oriġinali. Il-finanzjament għal dan il-ktieb sar mill-Kunsill tal-Kurrikulu Nazzjonali (NCC), il-Kunsill tal-Liċeo tal-Bniet Carlo Diacono, iż-Żejtun u Merlin Library li taw donazzjonijiet biex dan ix-xogħol jitwettaq.
L-istudenti rringrazzjaw lill-kap ta’ l-iskola Ms. Maria Ciappara li sa mill-bidu emnet bis-sħiħ f’dan il-proġett. Il-Ministru Galea faħħar lill-istudenti u l-Liċeo ta’ din l-inizjattiva daqshekk kreattiva.
Dr Galea wera s-sodisfazzjon tiegħu li żgħażagħ juru l-kapaċità tagħom bil-ħiliet ta’ litteriżmu li jkunu tgħallmu matul is-snin. “Il-litteriżmu u l-kapaċita’ li bniedem jagħti valur u jikkrea l-letteratura huma ħiliet li jsawwru l-bniedem b’doni li jżejjnu l-identità ta’ kull ċittadin” qal il-Ministru Galea.
Il-Ministru spjega kif din kienet opportunità li permezz tagħha l-istudenti għarfu x’qawwa għandha l-Letteratura u x’qawwa akbar għandhom ilkoll fihom infushom li permezz tal-lingwa Maltija joħolqu, jiktbu u jinsġu kelmiet li lkoll flimkien inisslu l-poeżija, in-novella u forom oħra li permezz tagħhom, jagħtu sura sabiħa lil kull ma jaħsbu u jħossu.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958