Left arrow Go Back

IMMANIĠĠJAR TAL-MERKANZIJA FIL-PORT IL-KBIR:  IFFIRMAT IL-KUNTRATT BEJN L-AWTORITA’ MARITTIMA TA’ MALTA U L-KUMPANIJA VALLETTA GATEWAY TERMINALS LTD

pr0871
Date Icon 10/06/2006
Warali fil-jiem li għaddew, il-Gvern iffinalizza l-proċess ta’ l-għażla ta’ l-operatur għall-immaniġġjar tal-merkanzija fil-Port il-Kbir, illum ġie ffirmat il-kuntratt relattiv bejn l-Awtorita’ Marittima ta’ Malta u l-kumpanija Valletta Gateway Terminals Limited għall-perjodu ta’ 30 sena. Il-kumpanija hija komposta minn Portek Ports (Mauritius) Ltd. b’sehem ta’ 55% u TF Shipping Agencies Ltd. b’sehem ta’ 45%.
PortekPorts (Mauritius) Ltd. hija kumpanija sussidjarja tal-kumpanija barranija Portek Group (Singapore) li hija bbażata f’Singapore u hija nvoluta fl-inġinerija portwarja, kiri ta’ mpjant portwarju u operazzjoni ta’ terminals tal-merkanzija f’erba’ portijiet fl-Indoneżja u port ieħor fl-Alġerija. TF Shipping Agencies Ltd. hija kumpanija sussidjarja tal-kumpanija lokali Tumas Group li tħaddem ’il fuq minn 1,000 ħaddiem f’diversi setturi ta’ l-ekonomija f’Malta.
Il-kumpanijaser tinvesti ’il fuq minn LM5,200,000 fl-infrastruttura portwarja meħtieġa fil-Port il-Kbir fl-ewwel tliet snin tal-kuntratt, ser tħallas kera ta’ LM350,000 fis-sena lill-Awtorita’ Marittima ta’ Malta kif ukoll throughput charge ta’ 2% fuq l-introjtu tal-kumpanija mill-volum tal-merkanzija. Il-kumpanija ser ukoll tikkontribwixxi somma ta’ LM500,000 għax-xogħolijiet ta’ tiswija meħtieġa fuq il-moll tad-Deep Water Quay fix-xatt tal-Marsa. Il-kumpanija għandha wkoll pjanijiet sabiex tistabbilixxi l-Port il-Kbir bħala port loġistiku tal-merkanzija fiċ-ċentru tal-Mediterran. Madanakollu, it-tariffi massimi għall-ħlas ta’ l-immaniġġjar tal-merkanzija ser ikunu inqas minn dawk li għandna sal-lum. Permezz ta’ dan il-kuntratt,  il-kumpanija ntrabtet ukoll li ddaħħal tariffi konsolidati għas-servizzi li ser tipprovdi u li r-roħs f’dawn it-tariffi għandu jidħol fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ din is-sena.
Waqtin-negozjati mal-kumpanija Valletta Gateway Terminals Limited, kien assigurat ukoll li l-ħaddiema kollha ta’ l-operatur preżenti kienu ser iżommu l-impjiegi tagħhom. Fil-fatt, fil-jiem li għaddew, il-kumpanija laħqet ftehim mal-ħaddiema preżenti tal-kumpanija The Cargo Handling Company Limited li bħalissa għandha l-kuntratt għall-immaniġġjar tal-merkanzija fil-Port il-Kbir, kif ukoll mad-Delivery Clerks.
Għall-iffirmartal-kuntratt dehru Dr Marc Bonello minn naħa ta’ l-Awtorita’ Marittima ta’ Malta, filwaqt illi s-Sinjuri George Fenech u Choon Seng Lam dehru għan-naħa ta’ Valletta Gateway Terminals Limited. Preżenti għall-iffirmar tal-kuntratt kien hemm il-Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni, Censu Galea, li wera s-sodisfazzjoni tiegħu għall-fatt li l-proċess ta’ l-għażla ta’ l-operatur għall-immaniġġjar tal-merkanzija fil-Port il-Kbir tlesta fil-ħin ippjanat sabiex jippermetti l-kumpanija l-ġdida tagħmel it-tħejjijiet biex tibda topera fil-bidu ta’ Lulju.  Il-Ministru Galea stqarr li huwa kien fiduċjuż illi l-għażla ta’ l-operatur il-ġdid għandha twassal biex tiżdied l-attivita’ portwarja kif ukoll l-opportunita’ ta’ xogħol ġdid fil-Port il-Kbir. Huwa awgura lill-kumpanija Valletta Gateway Terminals Limited ħidma siewja għall-benefiċċju tal-pajjiż, tal-ħaddiema li jiddependu mill-portijiet għall-għejxien tagħhom kif ukoll ta’ l-istess kumpanija. Minbarra hekk, dan il-ftehim għandu jkun ukoll ta’ benefiċċju għall-industrija lokali u l-ħaddiema tagħhom.
L-iffirmar tal-kuntratt għall-immaniġġjar tal-merkanzija fil-Port il-Kbir huwa l-ewwel fażi fil-pjan tal-Gvern għal riforma wiesgħa fil-portijiet li għandha titlesta fix-xhur li ġejjin. Bħalissa l-kumitat maħtur mill-Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni qiegħed imexxi diskussjonijiet u negozjati ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema u d-diversi entitajiet l-oħra li jipprovdu servizzi fil-portijiet sabiex jintlaħaq ftehim fuq il-prattiċi u l-ħlasijiet tax-xogħol, fuq l-organizzazzjoni tas-servizzi portwarji u l-introduzzjoni ta’ kriterji kompetittivi dwar kif dawn il-ħaddiema u entitajiet għandhom jiġu regolati. L-għan ewlieni ta’ dawn ir-riformi fil-portijiet huwa sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-portijiet u jitnaqqsu iżjed it-tariffi massimi għall-ħlas ta’ l-immaniġġjar tal-merkanzija. Dawn ir-riformi għandhom ukoll iwasslu sabiex tiżdied il-kompetittivita’ ta’ l-industrija lokali kif ukoll sabiex il-konsumatur igawdi minn roħs fil-prezzijiet.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow