ILESMISSAIGONGUERRE: MUSICAL SPETTAKOLARI TAL-KAPOLAVURI TA’ SCHÖNBERG U BOUBLIL
Dr Francis Zammit Dimech, Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura, il-lum ħabbar li l-‘Helping Hands Group’ ser itellgħu l-musical spettakolari ‘LesMisSaigonGuerre’ fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi fil-15 ta’ Lulju fit-8.00 p.m.
Il-kompożitur magħruf Claude-Michel Schönberg ser ikun il-mistieden speċjali, u ser jiġi Malta apposta biex jisma’ l-mużika tiegħu tindaqq f’dan iċ-Ċentru.
LesMisSaigonGuerre hu meħud mill-kapolavuri ta’ Schönberg u Boublil – Les Miserables, Miss Saigon u Martin Guerre. Il-kunċert ser ifakkar l-10 anniversarju ta’ musicals li l-‘Helping Hands Group’ jorganizza kull sena.
Il-‘Helping Hands Group’ huwa grupp ta’ voluntiera magħmul minn għalliema/studenti u ex-studenti ta’ M.A Refalo Post Secondary School, Victoria. Kull sena l-Grupp tella’ b’suċċess xogħlijiet mużikali bħal Jesus Christ Superstar (1997), Les Miserables (l-aqwa biċċiet – 1998), Joseph and the Amazing Technicolor Dreamcoat (1999 u 2003), The Best of Musicals (2001), The Scarlet Pimpernel (Malta Premiere 2004), u A Night with the Musicals (2005).
Din is-sena, bħal snin oħra, il-produzzjoni spettakolari ta’ LesMisSaigonGuerre, fuq skala kbira, għandha tkun waħda ta’ min jaraha. L-Orkestra Nazzjonali, b’70 mużicist, se tkun taht id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Grech, u tkun akkumpanjata minn kor ta’ 100 kantant, li jinkludi kantanti stabbiliti mill-Kor ta’ Sta Monica u l-‘Helping Hands Group’. Il-Cast jinkludi lil Julie Zahra, Ludwig Galea, Pamela Bezzina, Roger Tirazona, Edward Mercieca, Mary Rose Mallia, Mario Portelli, Audrey Bartolo u ħafna oħrajn.
Id-drittijiet biex isir dan il-musical f’Malta ingħataw minn Cameron Mackintosh Company Ltd,Alan Boublil Overseas Ltd u PRS. Arranġamenti genwini tal-West End London Orchestra ġew mikrija għall-okkazjoni. Il-qligħ kollu ser ikun b’riżq id-Dar tal-Providenza.
Kumpaniji ewlenin qegħdin jagħtu l-appoġġ tagħhom għal dan il-kunċert, fosthom Hilton Malta, l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu, Bank of Valletta, MelitaCable, Marsovin, go mobile, u Coca Cola. Mingħajr din l-għajnuna ma kienx ikun possibbli li jsir dan il-musical.
Il-lejla ta’ LesMisSaigonGuerre f’Dar il-Mediterran ghandha tkun wahda ta’ muzika, divertiment, u talent, li tibqa’ tissemma.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-kollaborazzjoni bejn l-il-‘Helping Hands Group’, l-Orkestra Nazzjonali flimkien ma’ kor ta’ 100 persuna wasslet biex seta’ jittella’ dan il-musical b’risq id-Dar tal-Providenza, li kulħadd jaf x’kontribut tagħti għal dawk bi bżonnijiet differenti u kemm hi kbira l-ħtieġa ta’ finanzjament biex din id-Dar tkun tista’ titmexxa.
“Il-Maltin qed jingħataw l-opportunità li jsegwu dan il-kapolavur mużikali. Se jkollhom ukoll l-opportunità li bil-preżenza tagħhom f’dan il-musical jikkontribwixxu għal kawża ġusta. Il-‘Helping Hands Group’ hu grupp ta’ voluntiera li għal dawn l-aħħar 10 snin tella’ b’suċċess produzzjonijiet mużikali li ħarġu fil-beraħ it-talenti ta’ għalliema u studenti kif ukoll ta’ mużiċisti u kantanti Maltin. Hu ukoll grupp li rnexxielu jiġbor flimkien dan it-talent kollu biex jagħti lill-poplu Malti produzzjonijiet ta’ livell għoli,” qal il-Ministru Zammit Dimech, filwaqt illi awgura lil kull min se jieħu sehem f’din il-produzzjoni, suċċess fil-ħidma tiegħu.
Wieħed jista’ jakkwista biljetti ghal din l-attivita’ minghand The Helping Hands Group, Victoria, Gozo fuq numri: 9942 1611, 7955 1582 jew mill-MCC Booking Office: 2559 5750, 2559 5751.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958