Il-Proġett ta’ l-Għargħar bejn Ħal-Qormi u l-Marsa: Jidħlu fl-aħħar fażijiet ix-xogħol fil-Menqa
Il-problema ta’ l-għargħar f’żoni partikolari fil-pajjiż qed tiġi ndirizzata b’mod serju speċjalment f’dawn l-aħħar tlett snin. Xhieda ta’ dan huma l-proġetti li saru mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, u llum ir-residenti taż-żoni bħal Qormi/Marsa jistgħu jaraw b’għajnejhom li l-għargħar u d-danni li sofrew fis-snin preċedenti ġie mnaqqas drastikament.
Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Ninu Zammit meta kien qed iżur ix-xogħlijiet li qed isiru fl-aħħar fażi tal-proġett ta’ l-għargħar bejn Ħal-Qormi u l-Marsa. Il-Ministru stqarr li matul is-sena 2005, tlestiet il-parti tal-proġett minn ħdejn ir-roundabout fit-triq Manuel Dimech f’Ħal-Qormi, sa triq Aldo Moro. Din il-fażi inkorporat l-area ta’ triq l-Iljun, il-Marsa Golf Course, u l-Marsa Sports Ground. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq bini ta’ watercourse ġdida bejn triq Aldo Moro u Jetties Wharf, Marsa.
Ta’ min ifakkar li fuq l-ewwel parti, kien sar xogħol ta’ tħammil ta’ kanal twil ma’ l-1,200 metru, li kien jinkludi t-tneħħija ta’ ħafna ħamrija u materjal ieħor, twaqqigħ ta’ bini u tqattigħ ta’ blat. Kien inbena retaining wall fuq medda ta’ madwar 400 metru li permezz tiegħu l-kanal ta’ l-ilma ġie mwessa kważi bid-doppju. Matul din il-medda tal-kanal inbnew ukoll tlett pontijiet ġodda u ieħor ġie mwessa biex jipprovdi mogħdija aħjar għall-ilma.
L-ammont ta’ materjal li ntuża f’din il-parti kien ta’ madwar 7,871 metru kubu ta’ ġebel tal-franka ta’ qies speċjali bit-talut, 14,470 metru kubu ġebel ta’ qies normali, kollha maqtugħin mill-barriera tal-Gvern f’tar-Robba. Intużaw ukoll 10,303 metru kubu żrar ta’ qisien varji, u 9,710 metru kubu konkrit. Meta kien qed jispjega t-tieni fażi tal-proġett, dik bejn triq Aldo Moro u Jetties Wharf, il-Ministru Zammit qal li din il-korsa hi twila madwar 280 metru, u x-xogħol fuqha nbeda matul l-aħħar xhur ta’ l-2005. Din il-parti tinvolvi xogħol ta’ natura delikata peress li l-parti l-kbira tal-qiegħ tal-kanal hi taħt il-livell ta’ l-ilma baħar. Ix-xogħol fuq din il-parti miexi b’ritmu tajjeb u mistenni li jitlesta sa l-aħħar ta’ Awissu 2006. F’din il-parti nstabu xi fdalijiet arkeoloġiċi ta’ żmien ir-Rumani li minħabba l-istudji li kellhom isiru fuqhom, iż-żmien ippjanat għall-eżekuzzjoni tax-xogħol kellu jiġi mtawwal. Dawn il-fdalijiet ġew mistħarġa u r-rekordjati minn esperti u tħallew fl-istat li fih instabu. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi, d-disinn tal-proġett għal din il-parti ġie modifikat skond id-direzzjoni tas-Sovrintenza tal-Patrimonju Kulturali biex ma ssirx ħsara lil dawn il-fdalijiet.
Il-Ministru rrimarka li din il-parti tal-kanal hi mibnija minn elementi precast li jekk ikun hemm bżonn jistgħu jitneħħew biċċa biċċa. Din il-parti nvolviet il-manifattura ta’ 130 element li qiegħed jifforma l-ħitan tal-kanal u 650 element li ser jifforma l-qiegħ. Fit-tarf, fejn il-kanal jispiċċa l-baħar, ser jinbena pont li wkoll ser ikun magħmul minn 70 travu precast li se jkun impoġġi fuq pilastri tal-konkrit li wħud minnhom għandhom il-pedament tagħhom madwar 18-il metru fond. F’din il-parti li ser tkun wiesgħa 12-il metru, s’issa ntużaw madwar 1,737 metru kubu ta’ konkrit, 2,170 metru kubu ta’ żrar, u 1,448 metru kubu ta’ ġebel ta’ qies speċjali.
Il-parti l-kbira tax-xogħol sar mill-ħaddiema tal-Ministeru. Dan ix-xogħol involva wkoll manifattura ta’ l-elementi precast tal-embankments jew ġnub tal-watercourse. Xogħol relatat mal-prestressed beams tal-bridge f’Jetties Wharf, tal-pontijiet u xogħol ta’ l-irkaptu qed isir mill-privat. Ċertu inġenji speċjaliżżati ta’ tħaffir ġew mikrija u l-piling sar ukoll mill-kuntratturi. Il-Ministru kompla jgħid li qed isiru l-aħħar preparamenti sabiex kif jinħarġu l-permessi neċessarji jkun jista’ jibda x-xogħol fuq bini ta’ korsa ta’ l-ilma li minn Burmarrad twassal sas-Salini. Dan il-kanal ġdid, minflok il-wied l-antik li ntradam bil-materjal matul l-aħħar 40 sena, se jtaffi l-problema ta’ l-għargħar fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż.
Il-Ministeru mhux se jieqaf hawn għaliex wara li se jkunu ndirizzati dawn iż-żewġ żoni problematiċi tal-Marsa/Qormi u ta’ Burmarrad se jkun fadal il-parti ċentrali tal-pajjiż jiġifieri ż-żona ta’ Birkirkara, Msida, Ħal-Lija u Ħal-Balzan. Għal dan il-għan, wara li tħejjew ir-rapporti kollha meħtieġa minn periti u esperti fi ħdan il-Ministeru, qed isir it-tfassil tat-tenders u l-istudji ambjentali relatati sabiex hekk kif il-Gvern japprova l-qafas tal-proġett, ikunu jistgħu jinħarġu s-sejħiet għall-offerti għall-proġett ta’ prevenzjoni mill-għargħar fil-qalba tal-pajjiż. Il-Gvern qed jikkunsidra sabiex dan il-proġett jiġi ffinanzjat mill-fondi strutturali li l-pajjiż ingħata mill-Unjoni Ewropea.
Iż-żamma u l-manutenzjoni tal-widien u l-korsi ta’ l-ilma jirrekjedu makkinarju u numru ta’ ħaddiema sabiex qabel kull xitwa, dawn iż-żoni jinżammu fi stat tajjeb u mingħajr xkiel għall-mgħoddija ta’ l-ilma. Il-Ministru temm jgħid li għal dan il-għan, wara li twaqqfet sezzjoni apposta għal dan ix-xogħol, inxtara makkinarju speċjaliżżat u ħa jkompli jinxtara equipment ieħor sabiex il-ħaddiema jkunu mgħammra u attrezzati tajjeb biex jeżegwixxu x-xogħlijiet neċessarji.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958