L-art li fuqha ssir agrikoltura organika ser tirdoppja sa’ l-aħħar ta’ din is-sena
”Bħalissa hemm 7 produtturi li jużaw metodi organiċi b'total ta’ 13-il ettaru ta’ art. Jien infurmat li hawn tliet produtturi oħra interessati u li mistennija jaqilbu għal biedja organika f’qasir żmien. L-art agrikola li tintuża b'metodi organiċi se tkun irduppjat sa’ l-ahhar ta’ din is-sena.” Dan ħabbru l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt żjara li hu għamel lil bidwi li juża metodi organiċi fl-inħawi tal-Fawwara, limiti tas-Siggiewi. Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u Sajd, Dott. Frans Agius.
Din iż-żjara kienet tifforma parti mill-attivitajiet tal-Ġimgħa Ambjent li qed isiru biex jitfakkar Jum l-Ambjent.
Il-Ministru Pullicino qal li bħala vetrina tal-ħarsien ambjentali permezz ta’ prattiċi agrikoli sostenibbli, din is-sena għażilna li niffukkaw fuq l-agrikoltura organika. Hu tenna kif il-Gvern ilu għal dawn l-aħħar tlett snin jippromwovi l-agrikultura organika billi jinforma lill-publiku fuq il-benefiċċji tal-prodotti organiċi u jgħin lill-bdiewa li jkunu interessati fil-prodotti organiċi.
Apparti l-għajnuna li ta lill-bdiewa li jipprattikaw l-agrikoltura organika, l-Gvern qed jgħinhom ukoll billi jippromwovi l-prodott tagħhom fil-fieri agrikoli kollha li jieħu sehem fihom. Pullicino qal li l-Gvern qed jgħinhom lill-bdewa jsibu swieq lokali għal prodotti tagħhom mhux biss bil-promozzjoni li tingħatalhom fil-fieri imma anke billi jinstabu metodi oħrajn ta’ bejgħ. Il-Gvern qed jinnegozja bħalissa bejgħ ta’ prodotti organiċi ma’ Organizzazjoni ta’ Produtturi li dawn ikunu jistgħu jippakkjaw u jqassmu l-prodott tagħhom u jsibulhom swieq adattati.
Il-Gvern qed jipproteġi lill-bdiewa organiċi billi jissalvagwardjahom minn frodi u produtturi oħrajn li jkunu qed jużaw ħażin l-isem tal-prodotti organiċi.
Il-Ministru Pullicino qal li l-agrikoltura organika hija importanti mhux biss għax tgħin lill-bdiewa jsibu swieq aħjar għal prodotti tagħhom imma wkoll għax huwa metodu agrikolu li mhux talli ma jagħmilx hsara lill-ambjent iżda saħansitra jagħmillu l-gid. L-agrikoltura organika tghin biex izzid il-biodiversita’ fil-hamrija, tgħin biex tnaqqas pestiċidji u kimika fil-ħamrija, u tgħin ukoll billi tikkreja habitats tajbin għall-annimali fejn ikunu jistgħu jgħixu fihom bhala refuġju, speċjalment fil-buffer zones li jintużaw mad-dawra ta’ l-għelieqi.
Il-Ministru Pullicino faħħar il-ħidma li ssir mill-Moviment għall-Agrikoltura Organika f’Malta, il-MOAM u qal li s-sezzjoni ta’ l-agrikultura organika ngħaqdet mal-MOAM biex jitħajru bdiewa ohra billi jaqilbu għall-agrikultura organika. Il-MOAM hija għaqda speċjalizzata ta’ bdiewa li huma ċertifikati li jipproduċu b'metodi organiċi. Dawn qed jagħmlu ħafna xogħol siewi ma’ bdiewa oħrajn billi jħajruhom jaqilbu billi juruhom l-eżempju tagħhom. Il-MOAM qed tagħmel laqgħat regolari f'lokalitajiet differenti biex isibu bdiewa ġodda interessati jaqilbu għall-proċess organiku. Is-sezzjoni ta’ l-agrikultura organika tgħin lil dawn il-bdiewa biex jaqilbu u tgħinhom iġibu ċ-ċertifikazzjoni u jkunu bdiewa organiċi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u Sajd spjega kif il-Biedja Organika hija metodu ta' produzzjoni agrikola li jipproteġi kemm l-ambjent u anki l-bidwi. Apparti li ma tintużax kimika artifiċjali li tista’ tagħmel ħsara lill-ambjent u l-biodiversita’, lill-bidwi tgħinu b'mod doppju. L-ewwel nett billi ma jużax kimiċi sintetiċi li jista’ jagħmillu ħsara għal saħtu, u t-tieni għax b'dan il-prodott, jgħinu isib suq aħjar għal prodott tiegħu, u b'hekk jkun jista’ jkollu qliegħ ogħla.
Dr Agius qal li l-Biedja Organika hija ukoll ta’ benefiċju għal konsumatur. Dawn il-prodotti jkunu garantiti li ma jkollhomx bexx u kimika artifiċjali fihom minħabba ċ-ċertifikazzjoni. Il-bdiewa jkunu sorveljati minn korp ta' ċertifikazzjoni matul is-sena kollha, li fil-każ ta’ Malta huwa l-Malta Standards Authority. Minhabba f'hekk hawn suq tajjeb għal dan il-prodott partikolarment mill-familji. Il-prodotti jinħatfu mal-ewwel u hawn iktar domanda milli hawn prodott. Kull meta ssir xi fiera u jinbiegħu prodotti minn dawn, il-bejgħ ikun tajjeb ħafna avolja ikun bi prezz ogħla.
“Dan il-bidwi li ġejna inżuru illum,” qal Dr Agius, “apparti li jipproduċi żejt ta' kwalita’ b'metodi organiċi, juza l-prinċipju ta' l-agroturiżmu biex jipromwovi l-prodott tiegħu u anki l-qasam agrikolu tiegħu li jinstab f'żona protetta ta’ importanza internazzjonali. Dawn il-bdiewa u l-agrikultura organika huma pijunieri mhux biss għal prodott tagħhom imma anki għal mod kif jippromwovuh. L-idea tagħhom li jattiraw it-turisti fil-qasam u juruhom kif huma jkabbru l-prodott b'metodi li ma jgħamlux ħsara lill-ambjent qed iġibilhom il-vantaġġi, mhux biss fil-bejgħ tal-prodott, imma anki li l-klijent japprezza t-tbatija li tkun saret biex tkabbar dak il-prodott”, temm Dr Agius.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958