IL-GVERN SER IKOMPLI JAĦDEM U JGĦIN IT-TROBBIJA TAN-NAĦAL
Dalghodu, is-Segretarju Parlamentari responsabli għall-Biedja u Sajd, Dr Francis Agius iltaqgħa ma’ l-fuq minn 50 persuna li huma mpenjati li jkabbru n-naħal f’pajjiżna. Dr Agius qal li t-trobbija tan-naħal jew kif hemm min isejħilha l-‘Apikoltura’ hija parti ntegrali mit-tradizjoni ta’ l-agrikoltura, kif ukoll ta’ pajjiżna. Din l-industrija hija mportanti kemm għal produzzjoni ta’ għasel ta’ l-aqwa kwalita’, kif ukoll għad-dakra ta’ ħafna prodotti agrikoli. B’hekk l-importanza ekonomika ta’ din l-industrija hija waħda għolja u ta’ valur kbir għal biedja Maltija.
Fil-gżejjer Maltin, it-trobbija tan-naħal għanda storja antika ħafna, fil-fatt anke l-isem ta’ gżiritna, Malta, ġejja mill-kelma latina ‘melita’, li ġejja mill-kelma Griega ‘mel’ li proprju tfisser għasel. Ta’ min isemmi li l-għasel Malti huwa wieħed minn dawk il-ftit prodotti li huma rinomati mad-dinja kollha, speċjalment dak tas-sagħtar, u għalhekk huwa tajjeb li dawk kollha involuti f’dan il-qasam jitgħallmu aktar fuq dan is-suġġett daqshekk importanti.
Dr Agius qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir li llum ser jitqassmu ħamsin ċertifikat fuq it-trobbija tan-naħal. Kien l-impenn tal-Gvern Malti, li kif Malta issieħbet fl-Unjoni Ewropea, sar ezerċizzju sabiex anki din l-industrija, żgħira kemm hi żgħira, tkun tista’ tibbenefika minn fondi apposta u allokati proprju fuq dan is-settur. Flimkien ma’ l-Uffiċċju ta’ Nazzjonali ta’ l-Istatistika, ġie stabbilit kemm għandna kolonji tan-naħal f’pajjiżna, għaliex ikun proprju fuq dan in-numru li l-għajnuna finanzjarja tiġi mogħtija. Fil-fatt minn din l-istatistika li ġiet ippublikata f’April ta’ l-2004, ġie stabbilit li f’Malta, Għawdex u Kemmuna għandna madwar 2000 kolonja naħal. Permezz ta’ dawn il-fondi, ko-finanzjati mill-Gvern Malti u l-Unjoni Ewropea, lejn l-aħħar tas-sena l-oħra ġiet organiżżata ġimgħa ta’ tagħlim proprju fuq it-trobbija tan-naħal u kif din l-industrija tista’ titjieb. B’dawn il-fondi, hekk imsejħa bħala ‘assistenza teknika’, il-Gvern Malti qabbad espert Ingliż, Dr Richard Ball, sabiex iħejji u jagħmel dan il-kors ta’ ġimgħa kemm mil-lat teoretiku, kif ukoll mil-lat prattiku. Aktar minn terż tal-‘beekeepers’ Maltin u Għawdxin attendew għal dan il-kors.
Dr Agius kompla jgħid li hu jixtieq jawgura li din is-sengħa tkompli tikber u titjieb fil-gżejjer Maltin sabiex b’hekk l-industrija Maltija tkompli ttejjeb il-prodott ġenwin li minn dejjem kienet taf tagħmel. Dr Agius sostna li l-Gvern ser jimpenja ruħu sabiex f’qasir żmien inkunu nistgħu nbiegħu numru konsiderevoli ta’ frieħ tan-naħal bi prezz issussidjat.
“Importanti li nħeġġu aktar żgħażagħ jieħdu nteress f’dan il-qasam anki għaliex mill-aħħar statistka fuq it-trobbija tan-naħal, deher ċar li ftit huma dawk li jrabbu n-naħal u li l-eta’ tagħhom hija taħt l-40 sena. B’dan il-mod l-industrija u s-sengħa ta’ trobbija tan-naħal jibqgħu ħajjin u b’hekk jistgħu jibbenefikaw minnhom ulied uliedna fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin”, temm jgħid Dr Agius.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958