IL-BDIEWA TAL-MANIKATA JINJORAW L-PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI DWAR IL-BYPASS GĦAT-TELGĦA TAX-XEMXIJA
B’referenza għall-konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret nhar is-Sibt min numru ta’ bdiewa dwar l-iżvilupp propost ta’ bypass għat-telgħa tax-Xemxija, il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq irid jikkoreġi l-informazzjoni skorretta li ngħatat lill-mezzi tax-xandir waqt din l-attività.
Tajjeb jingħad li dan il-proġett propost kien identifikat minn esperti barranin li kienu tqabbdu mill-Gvern biex jistudjaw u jipproponu titjib għat-toroq li jiffurmaw parti mit-Trans-European Network – Transport ta’ pajjiżna. It-13-il proġett identifikat, fosthom dan tax-Xemxija, huma eliġibbli għal finanzjament taħt il-Fond ta’ Koeżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u l-Awtorità dwar it-Trasport (ADT) is-sena l-oħra niedew proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-proġetti proposti kollha. Fit-30 ta’ Marzu 2006 kienet saret laqgħa pubblika li fiha kien anke propost u diskuss l-abbozz ta’ dan il-proġett tal-bypass li fil-parti l-kbira kien jinvolvi t-twessiegħ ta’ toroq eżistenti u l-bini ta’ mina li tgħaddi minn taħt ir-raħal tal-Manikata. F’ebda stadju ma ġiet proposta triq ġdida li tgħaddi min nofs l-għelieqi.
Fil-laqgħa kien ukoll ippreżentat rapport tal-Environment Impact Assessment preliminari li kien sar għal dan il-proġett skond it-terms of reference mogħtija mill-Awtorità Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Ta’ min isemmi li dan ma kienx l-Environment Impact Assessment sħiħ li jkun hemm bżonn isir għal dan il-proġett wara li jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni u tiġi deċiża r-rotta li ser tgħaddi minnha il-bypass proposta.
Wara li l-bdiewa u residenti mill-Manikata ressqu oġġezzjonijiet għat-triq kif kienet proposta sa dakinhar, matul l-istess laqgħa kien intlaħaq qbil biex issir laqgħa teknika ma’ rappreżentanti tar-residenti u bdiewa tal-Manikata sabiex jiġu analizzati alternattivi għar-rotta proposta għal din il-bypass. Din il-laqgħa teknika saret fis-26 ta’ April u kienet segwita b’ispezzjoni minn inġiniera tal-ADT fiż-żona sabiex tiġi mistħarrġa l-possibilità ta’ rotta alternattiva. Hawn kien deċiż li l-ADT kellha terġa’ ddur għal waħda mill-proposti li kienet skartat aktar kmieni u terġa’ tiltaqa’ mar-rappreżentanti tar-residenti u l-bdiewa meta jitlestew id-diżinji tal-proposta l-ġdida. Rappreżentant tar-residenti tal-Manikata kien ukoll involut fid-diskussjonijiet tekniċi dwar din il-proposta.
Minn dak inhar ’l hawn, din il-proposta ġdida ġiet diżinjata, irfinuta u mgħoddija lill-MEPA biex ikun analizzat l-impatt tagħha fuq l-ambjent tal-inħawi. Huwa biss meta l-MEPA tagħti opinjoni favorevoli dwarha li l-proposta oriġinali tkun tista’ tiġi skartata biex il-proposta l-ġdida tkun addottata formalment u ssir pubblika.
Il-bżonn ta’ bypass li taqta’ t-telgħa tax-Xemxija joħroġ miż-żieda antiċipata fit-traffiku fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Din it-triq bħal issa diġà qed iġġorr mat-23,000 vettura kuljum. Dan in-numru mistenni jiżdied għal 26,000 sas-sena 2010. Jekk ma tittieħed ebda azzjoni x’aktarx li nibdew naraw il-kjuwijiet twal tat-traffiku li jiffurmaw fiha minn u lejn it-telgħa tal-Mellieħa anke fil-ġranet ta’ matul il-ġimgħa. Fin-nuqqas ta’ bini ta’ bypass ġdida huwa probabbli li aktar traffiku jibda jagħżel li jgħaddi mit-toroq tal-Miżieb u l-Manikata – żewġ toroq li m’humiex magħmulin għal volumi kbar ta’ traffiku. Jistgħu jibdew jinħolqu wkoll diffikultajiet għall-Għawdxin u turisti li jkunu jridu jaslu Għawdex.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq ma jistax jifhem l-iskop tal-konferenza ta’ l-aħbarijiet ta’ nhar is-Sibt speċjalment meta l-Gvern kien wera bil-provi li xejn ma kien għadu deċiż dwar dan il-proġett u li kien miftuħ għall-proposti tar-residenti u l-bdiewa. Huwa wkoll stramb li matul il-konferenza ta’ l-aħbarijiet ġew injorati l-iżviluppi kollha ta’ l-aħħar xahrejn u ma ssemma xejn dwar il-laqgħat u l-proposti ġodda li saru. Għalhekk wieħed isaqsi x’kienu l-vera għanijiet wara din l-attività.
Il-Gvern huwa fid-dmir li tinstab soluzzjoni għall-problema tat-telgħa tax-Xemxija għall-ġid u s-sigurtà fit-toroq tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Għalhekk, minkejja l-informazzjoni skorretta li qed tiġi iċċirkolata, ser ikompli jfittex is-soluzzjoni li jkollha l-anqas impatt possibbli fuq l-ambjent ta’ l-inħawi bl-għajnuna ta’ min lest jagħmel proposti ġenwini.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958