ESIBIZZJONI BL-ISEM TA’CAROLUS REX IMPERATOR
Fl-okkażjoni tal-500 sena minn meta ċ-ċkejken Karlu (1500-58) beda jassumi responsabbiltajiet li ġew mat-titli li beda jiret u li wassluh aktar tard biex sar Re ta’ Spanja bl-isem ta’ Karlu I, u mbagħad Imperatur ta’ l-Imperu Qaddis Ruman fejn baqa’ magħruf fl-istorja bħala l-Imperatur Karlu V, il-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valenzjana Jaume II el Just (Ġakbu II l-Ġust) u l-assoċjazzjoni Amigos de Malta f’Valenzja, qed ittella’ esibizzjoni bl-isem Carolus Rex Imperator.
Din l-esibizzjoni, li qed issir fil-Biblijoteka Nazzjonali kienet inawgurata mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr. Louis Galea. Il-wirja tibqa’ miftuħa sal-Ġimgħa, 8 ta’ Settembru 2006. Din l-istess esibizzjoni ġa saret b’suċċess kbir kemm f’Valldigna (Spanja) kif ukoll f’Arpino (Italja).
Il-Biblijoteka Nazzjonali qed tagħti kontribut kbir f’din l-esibizzjoni. Qed tesebixxi manuskritti marbuta ma’ Karlu V, fosthom l-Att ta’ donazzjoni ta’ Malta lill-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-1530.
Għal din l-okkazjoni, nhar is-Sibt, 27 ta’ Mejju, il-Posta Maltija b’koperazzjoni maċ-Circulo Cultural Hispani Maltes flimkien mal-Biblijoteka Nazzjonali, harġet timbru postali kommemorattiv.
Għal din l-okkażjoni ġiet Malta delegazzjoni Spanjola minn Valenzja ta’ madwar 35 ruħ. Kumitat organizzattiv ħejja program ta’ attivitajiet kulturali għal din id-delegazzjoni.
Il-Ministru Louis Galea qal li wirjiet bħal dawn jgħinu biex il-poplu Malti u t-turisti li jżuruna isiru jafu aktar dwar l-istorja ta’ pajjiżna u kif din torbot ma’ dik tal-bqija ta’ l-Ewropa u d-dinja ta’ dak iż-żmien. Louis Galea faħħar l-impenn tad-Dipartiment tal-Libreriji u l-E.T. l-Ambaxxatur Malti għal Spanja, għall-impenn tagħhom biex din il-wirja setgħet tittella. Il-Ministru sostna li l-Biblioteka Nazzjonali u l-Arkivji Nazzjonali għandhom minjiera ta’ informazzjoni u dokumenti li jekk ikunu preżentati tajjeb jistgħu iħajjru aktar nies jiskopru aktar dwar l-istorja ta’ pajjiżna. Hu awgura li ħafna Maltin jieħdu din l-okkażjoni forsi unika biex jaraw din il-wirja ta’ valur inestimabbli.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958