ID-DOKUMENT TAL-PARTIT LABURISTA DWAR GĦAWDEX JIRRIKONOXXI L-INIZJATTIVI TAL-GVERN PREŻENTI
L-“Abbozz ta’ Pjan ta’ Żvilupp għal Għawdex bħala Reġjun”, ippubblikat mill-Partit Laburista jirrikonoxxi l-ħidma tal-Gvern bil-parti l-kbira tal-miżuri proposti diġa’ qed jiġu mplimentanti.
Dan qalitu llum l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex waqt li kienet qed tindirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-Ministeru għal Għawdex, hi u tagħti r-reazzjoni tal-Gvern għad-dokument ippubblikat mill-Partit Laburista l-ġimgħa li għaddiet.
Bħal ma hu l-każ tad-dokumenti ta’ politika dwar l-ambjent, it-turiżmu u s-saħħa, anke dan id-dokument dwar Għawdex qed jipproponi miżuri li l-Partit Laburista fil-Gvern ser jadotta għal Għawdex meta fil-fatt ħafna minnhom diġa’ qegħdin fis-seħħ jew kienu ġew imħabbra diġa’ mill-Gvern tal-ġurnata.
Id-dokument jitkellem dwar il-fondi mill-Unjoni Ewropea u jgħid li ser “jiġi żgurat li Għawdex imissu fondi Ewropej biżżejjed biex il-livell ta’ żvilupp tiegħu jkun jista’ jilħaq dak ta’ Malta u eventwalment dak ta’ l-Unjoni Ewropea” meta Għawdex illum qiegħed diġa’ jirċievi 10% tal-fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni li Malta, bħala pajjiż, akkwistat. Marbuta mal-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea, miżura oħra tipproponi li l-provvedimenti tad-Dikjarazzjoni dwar Għawdex annessa mat-Trattat ta’ Sħubija għandha titħaddem. Dawn il-provvedimenti jagħtu l-possibilita’ lill-Gvern biex jitlob lill-Unjoni Ewropea tevalwa l-livell ta’ żvilupp ta’ Għawdex bħala gżira qabel kull perjodu finanzjarju, sabiex jekk il-livell tal-PGD ta’ Malta bħala gżira jaqbeż il-75% tal-medja ta’ l-Unjoni Ewropea waqt li ta’ Għawdex ma jaqbiżx, Għawdex ikun jista’ jingħata kunsiderazzjoni speċjali. Il-Partit Laburista qiegħed jirrepeti li dawn il-provvedimenti ma tħaddmux qabel ittieħdet id-deċiżjoni dwar il-perjodu finanzjarju 2007-2013, u jinjora bl-iktar mod konvenjenti l-fatt li l-Gvern ma talabx li jiġi evalwat il-livell ta’ żvilupp t’Għawdex separatament għaliex Malta, bħala pajjiż, kienet għadha taħt il-75%tal-medja tal-livell Ewropew u allura kienet għadha tikkwalifika għall-ogħla livell ta’ fondi possibbli. Għawdex ser jibbenefika minn minimu ta’ 10% oħra minn dawn it-€805miljuni li ġew allokati lil Malta.
Dwar it-turiżmu, il-Ministru Debono qalet li d-dokument tal-Partit Laburista jitkellem dwar il-ħtieġa ta’ Awtorita’ tat-Turiżmu għal Għawdex li jkollha l-finanzi tagħha sabiex tirreklama lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta, għal darb’oħra jinjora l-fatt li bir-ristrutturar ta’ l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu nħolqot taqsima għal Għawdex li għandha l-finanzi tagħha sabiex tirreklama lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta. Barra minn hekk, qalet il-Ministru Debono, permezz ta’ l-istrutturi preżenti fl-MTA, it-taqsimiet kollha jinkludu rappreżentant minn Għawdex u b’hekk l-interessi ta’ Għawdex qed jiġu rappreżentati. Il-Ministru Debono tkellmet dwar proġetti speċifiċi li qed jiġu proposti u li wkoll il-Gvern qiegħed diġa’ jimplimenta fosthom il-ħolqien ta’ iktar siti artifiċjali għall-għaddasa, it-titjib tal-faċilitajiet eżistenti għall-għaddasa, it-titjib ta’ toroq li jwasslu għal żoni turistiċi bħar-Ramla u x-Xlendi, l-estensjoni tal-bajja tax-Xlendi, u proġetti għall-Ġgantija u ċ-Ċittadella. B’riferenza partikolari għaċ-Ċittadella, il-Ministru Debono qalet li l-Ministeru għal Għawdex bħalissa qed iħejji x-xogħol preparatorju sabiex iktar tard ikun jista’ jissottometti applikazzjoni għal proġett olistiku taħt il-perjodu finanzjarju ta’ l-2007-2013 ta’ l-Unjoni Ewropea.
B’riferenza għall-miżuri proposti taħt it-titlu ta’ l-Infrastruttura, il-Ministru Debono qalet li anke hawnhekk, ħafna mill-miżuri proposti diġa’ qed jiġu studjati jew implimentati mill-Gvern. Il-Gvern diġa’ ħabbar il-pjanijiet għal żona fix-Xewkija li diġa’ ġiet identifikata għall-industriji ż-żgħar permezz ta’ riżoluzzjoni li għaddiet fil-Parlament matul is-sena li għaddiet. Il-Ministru Debono qalet li kien il-Ministeru għal Għawdex li qajjem il-ħtieġa għal triq alternattiva għall-Imġarr u fil-fatt, permezz ta’ fondi ta’ l-Unjoni Ewropea, bħalissa għaddejjin studji biex jidentifikaw l-aħjar rotta għal bypass ġdid, filwaqt li s-sistema ta’ toroq eżistenti f’Għawdex qed tiġi mtejba sostanzjalment.
Dwar il-qasam ta’ l-edukazzjoni l-Ministru Debono qalet li mkien fid-dokument ippreżentat mill-Partit Laburista ma jsir riferenza għax-xogħlijiet ta’ modernizzar kontinwi fl-iskejjel t’Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex fassal u qiegħed jimplimenta mill-1999 ‘l hawn. Il-Ministru Debono qalet li matul din is-sena waħedha, il-Ministeru għal Għawdex daħal għal proġett ta’ modernizzar komplet b’valur ta’ Lm135,000 għall-iskola primarja tax-Xewkija. F’dawn l-aħħar seba’ snin u nofs il-Ministeru għal Għawdex wettaq xogħlijiet f’kull skola t’Għawdex filwaqt li ntroduċa żewġ ċentri ta’ l-MCAST, biċ-ċentru tax-Xewkija jħoss il-bżonn ta’ estensjoni. Id-dokument ippreżentat mill-Partit Laburista bl-iktar mod konvenjenti jinjora kompletament is-suċċessi tal-Gvern u l-pjanijiet tiegħu f’dan ir-rigward filwaqt li l-istess dokument ma jagħmel ebda proposta għal xi tip ta’ ħidma mill-Partit Laburista f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, qalet il-Ministru Debono, id-dokument jipproponi li jibdew isiru numru ta’ korsijiet, li fil-verita’ diġa’ qegħdin jiġu offruti f’Għawdex. Dawn il-korsijiet ivarjaw minn dawk fl-informatika, fl-ippjanar, fl-agrikoltura u studji ta’ negozju.
B’riferenza għall-qasam tas-saħħa, il-Ministru Debono qalet li huwa nkoraġġanti li l-Partit Laburista jirreferi għall-kura mogħtija fl-isptar t’Għawdex bħala waħda “tajba u f’ċerti taqsimiet tajba ħafna”. Dan pero’ ma jfissirx li l-Gvern qiegħed b’idejh fuq żaqqu imma kontinwament qiegħed ifittex li jtejjeb il-kwalita’ tas-servizzi offruti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex bil-Ministeru kontinwament ifittex li jżid servizzi ġodda u jtejjeb dawk eżistenti. Is-swali kollha ta’ l-isptar u ż-żoni tal-pazjenti ġew imtejba b’mod sostanzjali mill-1999 ‘l quddiem filwaqt li ġew miżjuda diversi servizzi ġodda. L-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda, fosthom it-twaqqif ta’ unit tar-Radjoloġija, diġa’ qed isir xogħol preparatorju fuqha filwaqt li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed ukoll jipprepara x-xogħol meħtieġ għal proġett ta’ renewable energy u ta’ hazardous waste għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Dwar il-qasam ta’ l-isport il-Ministru Debono qalet li l-Partit Laburista qed jipprova jieħu l-merti ta’ proġett propost mill-Ministeru għal Għawdex li se jtejjeb u jutilizza aħjar l-ispazju okkupat mill-korsa taż-żwiemel f’Ta’ Xħajma, limiti tax-Xewkija. Il-Ministru Debono qalet li f’Ġunju 2005 il-Ministeru għal Għawdex issottometta applikazzjoni ma’ l-Awtorita’ Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-iżvilupp tal-korsa inkluż l-immodernizzar u t-titjib ta’ faċilitajiet eżistenti u l-ħolqien ta’ faċilitajiet ġodda fosthom trakka għall-atletika. Dwar l-assistenza lil assoċjazzjonijiet mhux governattivi bħall-Fondazzjoni Arka u l-Fondazzjoni Oasi, il-Ministru Debono qalet li dawn l-organizzazzjonijiet qed jagħtu kontribuzzjoni mill-iktar siewja lis-soċjeta’ u l-Gvern ilu jassistihom sa mit-twaqqif tagħhom permezz ta’ għajnuna finanzjarja u għajnuna oħra.
Il-Ministru Debono rreferiet ukoll għas-sistema amministrattiva li qed jipproponi l-Partit Laburista għal Għawdex u qalet li bil-ħolqien tal-Kunsill Reġjonali għal Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex qed jiġi relegat bħala l-“fergħa eżekuttiva tal-Kunsill Reġjonali”. Il-Ministru Debono qalet li l-Gvern jemmen li Għawdex jixraqlu Ministeru li, minbarra li jikkonsulta b’mod dirett mal-partijiet konċernati t’Għawdex kif fil-fatt qed jagħmel, iżomm ir-responsabilta’ u l-obbligazzjonijiet li ġġib magħha l-amministrazzjoni tal-gżira.
Il-Ministru Debono kkonkludiet billi qalet li huwa nkoraġġanti li l-Parti Laburista juri li jaqbel ma’ ħafna minn dak li l-Gvern preżenti wettaq diġa’ għal Għawdex kif ukoll ma’ proġetti u inizjattivi li l-Ministeru għal Għawdex qed jimplimenta f’dawn is-snin. Madankollu, qalet il-Ministru Debono, l-importanza li qiegħed jgħid li ser jagħti l-Partit Laburista lill-gżira t’Għawdex bħala reġjun tiċċajpar għal kollox minħabba d-deċiżjoni konfliġġenti li qed jadotta l-istess Partit Laburista fejn tidħol ir-ratifika ta’ l-emenda kostituzzjonali biex Għawdex jinżamm distrett elettorali wieħed.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958