Left arrow Go Back

IR-REGOLAMENTI L-ĠODDA DWAR IL-KAĊĊA

pr0746
Date Icon 19/05/2006

B’referenza għall-istqarrija tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent isostni li l-għan tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni ta’ l-Għasafar Selvaġġi huwa li permezz tagħhom issir it-traspożizzjoni tad-Direttiva ta’ l-Għasafar fil-liġi Maltija. Dan ifisser li mhux tieqaf il-kaċċa imma li jiġi żgurat li l-kaċċa u l-insib jiġu pprattikati mingħajr ma jpoġġu f’periklu l-ħarsien ta’ l-għasafar. Huwa meħtieġ li l-kaċċa u l-insib f’Malta jibqgħu jsiru skond il-parametri preskritti mil-liġi u permezz ta’ prattiċi sostenibbli fl-interess taċ-ċittadini kollha.

Ir-Regolamenti ġew imfassla wara konsultazzjoni pubblika li bdiet f’Settembru ta’ l-2005 u wara li ġew ivvalutati s-sottomissjonijiet kollha. L-għan tar-Regolamenti kien li r-regoli eżistenti jiġu kkonsolidati u l-liġi Maltija tiġi konformi mad-Direttiva ta’ l-Għasafar u mal-provvedimenti rilevanti fit-Trattat ta’ Sħubija. Ir-Regolamenti ma jimponu l-ebda regola jekk mhux dawk skond id-Direttiva ta’ l-Għasafar.

Ħafna mill-kritika ta’ l-FKNK tidher li hija diretta lejn regoli li fil-verità ilhom hemm snin u sempliċiment ġew inklużi mill-ġdid fir-regolamenti l-ġodda. M’huwiex ġust li tingħata l-impressjoni li dawn ir-regoli qed jiġi introdotti fil-liġi Maltija issa. Per eżempju:

·        Il-fatt li l-kaċċaturi jistgħu iniżżlu d-dgħajjes tagħhom minn slipways speċifiċi kien diġà hemm fir-regolamenti ta’ qabel;

·        Il-fatt li ma tistax issir kaċċa jew teħid ta’ l-għasafar sagħtejn qabel ma titla’ x-xemx u l-fatt li ma tistax issir kaċċa fil-Ħdud u l-btajjel pubbliċi kienu hemm qabel ma ġew ippubblikati dawn ir-regolamenti;

·        Bl-istess mod, il-ħtieġa li jkollok liċenzja biex tibbalzma jew li tgħamilha ta’ balzmatur, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll personali, kienet fil-liġi qabel ġew ippubblikati dawn ir-regolamenti;

·        Il-provvediment li bird-ringer jista’ jieħu l-għasafar biex jimmarkhom jew ilibbishom ċurkett f’kull ħin tal-ġurnata u kull żmien tas-sena, jista’ wkoll juża pre-recorded bird-calls, u li jista’ jieħu l-għasafar għal dawn l-iskopijiet minn santwarju ta’ l-għasafar huma replica tal-provvedimenti li kienu diġà jeżistu qabel ma ħarġu dawn ir-regolamenti. Barra minn hekk, dawn ir-regolamenti ma jħallux il-bird ringers jagħmlu li jridu – għall-kuntrarju tar-regolamenti li kienu fis-seħħ qabel ħarġu dawn ir-regolamenti, il-bird-ringing jista’ jsir biss għal skopijiet speċifiċi u skond kundizzjonijiet definiti;

·        Il-fatt li l-liċenzja għandha tindika n-numru ta’ għasafar li wieħed jista’ jikkaċċja u/jew jieħu kull ġimgħa huwa wkoll provvediment li kien jeżisti fil-liġi Maltija qabel il-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti.

Filwaqt li huwa veru li r-Regolamenti l-ġodda jipprojbixxu l-użu ta’ xbieki ta’ ‘l fuq minn 45 pied għat-teħid ta’ l-għasafar, dan il-provvediment huwa regola li kienet teżisti diġà fil-liġi preċedenti, imma li kienet għadha ma ġietx iddikjarata fis-seħħ.

Il-provvediment li jawtorizza, għal raġunijiet ta’ sigurtà, l-użu ta’ dgħajsa jew bċejjeċ tal-baħar b’veloċità massima ta’ 18-il kilometru fis-siegħa għall-kaċċa fuq il-baħar kien wieħed mill-provvedimenti ta’ l-abbozz ta’ regolamenti li kienu ħarġu għall-konsultazzjoni pubblika f’Settembru ta’ l-2005. Din it- traspożizzjoni hija meħtieġa skond id-Direttiva ta’ l-Għasafar.

Dwar il-kompożizzjoni tal-Kumitat Ornis, żewġ membri tal-Kumitat se jiġu nnominati minn organizzazzjoni li tirrappreżenta persuni bil-liċenzja għall-kaċċa u/jew għat-teħid – bl-istess mod, organizzazzjoni li tirrappreżenta persuni b’għarfien jew li jaħdmu favur l-avifauna tkun intitolata li tinnomina żewġ membri. Dawn il-membri msemmija għandhom dritt ta’ vot kull wieħed.

Ir-regolamenti jagħmlu referenza speċifika f’Artiklu 2 għall-istaġun miftuħ meta għandha ssir il-kaċċa. Barra minn hekk, ir-regolamenti ġodda jipprovdu l-istrutturi u l-proċeduri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-istaġun miftuħ jiġi stabbilit. Żewġ rappreżentanti ta’ l-organizzazzjoni li tirrappreżenta persuni bil-liċenzja għall-kaċċa u t-teħid, bħala membri tal-Kumitat Ornis, se jkunu effettivament involuti fil-proċess għat-teħid tad-deċiżjoni biex jiġi stabbilit dan l-istaġun. Għaldaqstant m’huwiex ġust li wieħed jgħid li mhux se jkun hemm staġun miftuħ jew li l-istaġun se jiġi stabbilit b’mod ippreġudikat min-naħa waħda.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent bħalissa qed jikkunsidra l-kummenti kollha li waslu dwar ir-regolamenti l-ġodda.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow