Kunċert Kommemorattiv fil-Katidral ta’ l-Imdina
L-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, aċċettat li tagħti l-patronċinju tagħha għal kunċert kommemorattiv li ser isir fil-Katidral ta’ l-Imdina biex jitfakkar il-ħamsin anniversarju mill-bidu ta’ l-iskema tas-sigurtà soċjali f’Malta.
Dan il-kunċert qed isir bil-kollaborazzjoni tal-Kapitlu Metropolitan tal-Katidral ta’ l-Imdina u jittella’ nhar is-Sibt, 27 ta’ Mejju, fis-7.30 ta’ filgħaxija. Il-pubbliku huwa ġentilment mistieden jattendi għal dan il-kunċert u d-dħul huwa b’xejn.
Żgur li dawk li jħobbu l-mużika klassika ser jieħdu ġost bil-programm imħejji, li jinkludi xogħlijiet ċelebrattivi għal sopran, tromba u orgni ta’ Bach, Handel, Stanley, Clarke, Mozart, Caccini, Franck, Mascagni, u Verdi. Ser jieħdu sehem John Aquilina fuq l-orgni, is-Sopran Jacqueline Micallef Grimaud u Michael Pulis bit-tromba. Il-kunċert idum madwar 70 minuta u l-pubbliku huwa mitlub ikun f’postu sas-7.20 p.m.
Dawk kollha li jixtiequ jużaw it-trasport pubbliku biex jattendu għal dan il-kunċert jistgħu jirkbu fuq ix-xarabank tar-Rabat bin-numru 80, 81 u 84. Għal aktar informazzjoni dwar il-kunċert, wieħed jista’ jċempel lill-Assistant Direttur tal-Customer Care fi ħdan id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fuq 2590-3233.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958