Left arrow Go Back

It-tibdil fil-konfini ta’ l-iżvilupp: bilanċ bejn il-ġustizzja soċjali u l-ambjent

pr0729
Date Icon 17/05/2006

Il-Gvern jinnota l-appell tal-Kelliema  ta’ l-Oppozizzjoni dwar l-Ambjent u l-Patrimonju Nazzjonali  Dr Joe Brincat and Roderick Galdes, biex il-proċess għall-aġġustament tal-konfini ta’ l-iżvilupp isir bl-ikbar kunsiderazzjoni ambjentali u bl-iktar mod serju u trasparenti. 

Il-fatt innifsu li l-Gvern fassal kriterji, jindika bl-aktar mod ċar l-intenzjoni tal-Gvern li jintlaħqu  dawn l-għanijiet. Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jinnota li l-kelliema ta’ l-Oppożizzjoni ma esprimewx dubji fuq dawn il-kriterji, allura jifhem li huma aċċettabbli. 

Kuntrarjament għal dak li qalu l-kelliema ta’ l-Oppozizzjoni li “l-Gvern imur kontra l-policies tiegħu stess”, il-Gvern dejjem kien konsistenti fuq ir-reviżjoni tal-konfini. Konferma ta’ dan huwa l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista ta’ l-1998 fejn f’punt 174, hemm dikjarat li r-reviżjoni għandha ssir u li dan “l-eżerċizzju għandu jservi sabiex żoni mdawra sew bl-iżvilupp, partikolarment meta l-art mhix tajba għall-biedja, jkunu kkunsidrati għall-iżvilupp. Hemm żoni ta’ artijiet li tħallew barra mill-Iskemi Temporanji għall-Bini u li jistgħu, b’reviżjoni tal-konfini, jidħlu ma’ l-arja ta’ l-iżvilupp”.   

Sa mill-1998 ‘l hawn, kemm il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, Tonio Borg kif ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, George Pullicino dejjem stqarrew pubblikament li m’hemmx lok għal tkabbir bla sens tal-konfini, iżda hemm bżonn li jkunu ndirizzati l-anomaliji u l-‘pockets’ ta’ art li tħallew barra miż-żona ta’ l-iżvilupp. 

Il-liġi tippermetti lill-Gvern li jagħti direzzjoni fil-proċess ta’ l-ippjanar biex dan ikun iktar ġust u loġiku. Għaldaqstant, il-Kabinett qabel fuq kriterji jew riga konsistenti li tindirizza dawn anomaliji li jeżistu fl-iskemi proviżorji. Il-Gvern deherlu li għandu jagħti kriterji hu, għax l-abbozzi tal-Pjani Lokali kif imfassla mill-MEPA mhux dejjem taw każ tal-ħtieġa tar-reviżjoni tal-konfini b’sistema ta’ razzjonalizzazzjoni. 

Il-kriterji ġew ikkomunikati lill-MEPA u wara analiżi tat-talbiet kollha li saru fil-pjani lokali ġie stabbilit mill-Awtorità liema minnhom jikkonformaw ma’ dawn il-kriterji.  Il-konfini proposti ġew ippublikati u bħalissa għaddej proċess ta’ konsultazzjoni pubblika ta’ sitt ġimgħat. Wara li l-MEPA tieħu deċiżjoni, din tgħaddiha lill-Gvern bħala reviżjoni parzjali tal-Pjan ta’ Struttura, li mbagħad jittella’ quddiem il-Parlament għal deċiżjoni finali. Il-Gvern iħeġġeġ is-sehem sħiħ ta’ l-Oppożizzjoni kemm fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika kif ukoll fil-Parlament.  

Il-Gvern għandu d-dmir li jieħu kull kunsiderazzjoni soċjali li tkun ġusta u fl-aħjar interess tal-ġid komuni minkejja l-fatt li deċiżjonijiet bħal dawn qatt ma jkunu faċli.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow