Left arrow Go Back

Bastiment tas-Sajd jgħaddi f’idejn il-Heritage Malta

pr0726
Date Icon 17/05/2006

Is-Segretarju Parlamentari responsabli għall-Biedja u Sajd, Dr Francis Agius, dalgħodu attenda għall-iffirmar ta’ ftehim li permezz tieghu  l-aħwa Cutajar għaddew il-bastiment tas-sajd tagħhom lil Heritage Malta. Dan kien possibli permezz ta’ miżura finanzjarja li tingħata mill-Unjoni Ewropea u l-Gvern Malti.

Dr Agius spjega kif l-għan ta’ din il-miżura huwa sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ bastimenti tas-sajd kategorija A u B, preżenti u l-liċenzjati fir-reġistru tas-sajd Malti.  Din l-azzjoni ġiet applikata għall-bastimenti li għandhom għaxar snin jew aktar.  Dan il-proġett seta’ jiġi  milqugħ permezz ta’ twaqqif ta’ bastimenti mill-attivitajiet tas-sajd fuq bażi permanenti, tkissir tal-bastimenti jew tneħħija tal-bastimenti mir-reġistru tas-sajd sabiex ikun jista’ jintuża għal attivitajiet oħra minbarra s-sajd.    

Dr Agius kompla jispjega kif l-amministrazzjoni ta’ din l-għajnuna mill-Unjoni Ewropea ġiet imwettqa skond ir-Regolament ta’ l-Unjoni Ewropea 2792/1999 li kienet emendata bit-2369/2002 li titratta fuq l-għajnuna strutturali mill-Komunita’ fis-sezzjoni tal-ħut. 

B’kollox kien hemm għaxar applikanti li tefgħu l-applikazzjoni tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-għajnuna.  Tlieta biss min dawn l-applikanti kienu eliġibbli u li ser ikunu jistgħu jibbenefikaw min 511,760 Euros li hija ekwivalenti għal Lm 219,699.  Din l-għajnuna hija ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Malti.   

Il-fondi ser ikunu ġejjin 75% mill-Unjoni Ewropea permezz tal-fond ta’ l-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd u 25% mill-Gvern Malti.

Waħda mill-applikazzjonijiet eliġibbli kienet ta’ l-aħwa Cutajar, li issa ser jibbenefikaw min għotja ta’ Lm80,717. Hekk kif  il-liċenzja tas-sajd tagħhom tiġi kkanċellata, il-bastiment jiġi mneħħi mir-Reġistru tas-Sajd Malti u minn dak Ewropew. 

Dr Agius spjega ftit ghaliex dan il-bastiment għadda f’idejn Heritage Malta u x’inhi l-importanza tiegħu. Hu qal li l-bastiment li llum għandu l-isem Temptation inbena fl-1943 fl-Ingilterra.  F’dan iż-żmien, il-bastiment kien jintuża fil-gwerra bħala mine sweeper  u kien armat b’zewg makni Perkins ta’ 110 horse power il-waħda.  

Fl-1967 ċertu Mr Newman xtara l-bastiment mingħand is-servizz Ingliż sabiex seta’ jirranġah.  Mr Newman biddel l-użu ta’ dan il-bastiment u beda’ jużah  bħala yacht għar-rekreazzjoni u bidillu l-interni sabiex jaqdi dawn il-funzjonijiet ta’ rekreazzjoni.  Meta l-aħwa Cutajar xtrawh, reġgħu għamlu xi alterazzjonijiet biex dan il-bastiment ikun jista’ jintuża għas-sajd. 

Fl-1978 l-aħwa Cutajar miz-Żurrieq kellhom luzzu żgħir ta’ 36 pied.  Fl-istess sena l-aħwa Cutajar ġiethom ix-xewqa sabiex ikabbru dan il-luzzu.   

L-aħwa Cutajar iltaqghu ma’ bastiment għal bejgħ bl-isem Temptation sorġut fl-Imsida u li kien reġistrat f’New Heaven l-Ingilterra.   Dan kien yacht li kien jintuża għad-divertiment.  Dan il-yacht mal-ewwel laqghat għajnejn l-aħwa, fejn wara ftit taż-żmien huma xtrawh mingħand Mr Newman.  Il-bastiment ġie rreġistrat fir-Reġistru tas-Sajd Malti u ma’ l-Awtorita Portwali sabiex ikun jista’ jintuża bħala bastiment tas-sajd.   

Minkejja xi diffikultajiet li nqalgħu matul iż-żmien, l-aħwa Cutajar irnexxilhom jegħlbu kull ostaklu u komplew jistadu għal-lampuki, ħut tal-qiegħ, tonn u pixxispad sal-ġurnata tal-lum fejn dejjem kienu waħda mill-familji prominenti fis-sajd.  

Dr Agius fakkar li fit-3 ta’ Marzu 2006 ingħatat l-approvazzjoni tal-permess mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għat-twaqqif ta’ hard standing facilities f’Marsaxlokk. Permezz ta’ din il-faċilita’, is-sajjieda se jkunu jistgħu jiġbdu d-dgħajjes fuq l-art biex fuqhom ikun jista’ jsir ix-xogħol meħtieg b’mod ħafna aktar ordinat milli jsir sa’ llum.  

Dan il-proġett ser jiswa €2 miljuni u se jsir b’fondi ta’ l-Unjoni Ewropea (75%) u minn fondi tal-Gvern Malti (25%). Ix-xogħol fuq dan l-izvilupp mistenni jibda’ galadarba jkun aġġudikat il-kuntratt u x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni huma mistennija jitlestew sa’ l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena.  

Ix-xiri tal-hoists li jiffurmaw parti mportanti minn dan il-proġett ukoll jinsab fi stadju avvanzat u mistenni jkun finaliżżat matul dan ix-xahar. Dawn il-hoists mistennija jkunu installati u jibdew joperaw sa’ tmiem din is-sena. Dan il-proġett huwa t-twettiq ta’ wegħda oħra lis-settur tas-sajd. Ta’ min ifakkar f’inizjattivi oħra li minnhom ibbenefikaw is-sajjieda Maltin u Għawdxin fosthom il-ftuħ ta’ Ċentru għall-ħasil ta’ kaxxi tal-ħut li jitmexxa mis-sajjieda nfushom.  

Dr Agius qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir meta jara sajjieda Maltin li qed jibbenefikaw direttament minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea. Importanti li kulħadd japplika biex jibbenefika minn dawn il-fondi għax inkella dawn jintilfu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow