“Standardizazzjoni tfisser kwalita’, organizazzjoni u sigurta’ għall-konsumaturi, kif ukoll tgħina ntejjbu l-kwalita’ tan-negozji tagħna” – Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo
“Ma nistgħux naslu li nagħlqu negozji bl-iskuża ta’ l-istandards, iżda lanqas ma nistgħu naċċettaw li jkollna sidien ta’ negozji li jibqgħu jżommu lura milli jaċċettaw li jagħmlu l-bidliet meħtieġa biex jilħqu ma’ l-istandards meħtieġa.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, l-Onor. Edwin Vassallo qal dan waqt konferenza dwar kif in-negozji żgħar Maltin jistgħu jieħdu vantaġġ mill-istandardizzazzjoni organizzata mill-GRTU.
L-Onor. Vassallo kompla jgħid li “biex niggarantixxu is-suċċess tan-negozji ż-żgħar tagħna rridu naraw li l-uffiċjali li jippromwovu l-istandards ikunu uffiċjali li filwaqt li jaraw li ċertu livelli ta’ kwalita’ u standards jiġu osservati, ma jkollhomx mentalita’ li ma tippermettix lin-negozji tagħna jaħdmu. Iż-żewġ estremi huma ħżiena. Il-burokratiku jrid jifhem aktar ir-rwol tiegħu ta’ edukatur, filwaqt li nifhmu li l-edukazzjoni għandha l-limiti tagħha, u minn naħa l-oħra, sid in-negozju jrid jifhem ukoll id-dmirijiet tiegħu.
“Fl-aħħar snin rajna bidliet u ristrutturar isiru f’ħafna negozji. Illum il-ġurnata nistgħu naraw li negozji li għamlu r-ristrutturar illum qegħdin fuq quddiem nett tat-tellieqa kompetittiva. Min żamm lura u baqa’ bi proċeduri antiki qiegħed jidher antik.
“Issa li għaddew sentejn, x’qiegħda tfisser l-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għas-sidien tan-negozji tagħna b’relazzjoni ma’ l-issue ta’ standards? Illum sħubija saret tfisser aktar speċjalizzazzjoni, iżda wkoll aktar spejjez. Tfisser aktar kwalita’, iżda wkoll aktar spezzjonijiet, tfisser aktar negozji li jeċċellaw iżda wkoll żieda fil-valur tal-manifattura.
“L-opportunitajiet kummerċjali u industrijali żdiedu, iżda rridu nifmhu aħjar:
1. Kif nistgħu nkunu aħjar fl-implimentazzjoni ta’ standards
2. Kif ser norganizzaw l-enforcement tagħna f’numru ta’ oqsma meta f’pajjiżna diġa’ għandna l-ewwel fażi ta’ learningexperience
“Il-Gvern u n-negozji ż-żgħar issa jridu jaħdmu id f’id biex:
1. L-enforcement officers tagħna għandhom jagħrfu li issa li diġa għandna n-negozji tagħna kollha konxji ta’ xi standards iridu jilħqu u ħafna minnhom diġa laħqu dawn l-istandards, ma jistgħux jibqgħu jippruvaw jaraw kif iħarrku akkost ta’ kollox.
2. Għandna naraw fejn għandna standards maħruġa minn Awtoritajiet differenti li huma konfliġġenti għal xulxin u ma nħallux li dawn jibqgħu hekk.
3. Isisr aktar pooling ta’ l-enforcement biex ikun hemm aktar organizazzjoni fl-enforcement u fil-kampanji ta’ l-edukazzjoni.
4. Dawk in-negozji li jkunu qegħdin jaħarbu minn dmirijiethom fir-rigward ta’ l-osservazzjoni ta’ standards, għandhom ikunu dixxiplinati permezz ta’ l-għaqdiet tan-negozji.
5. Isiru l-emendi tal-liġijiet biex ikunu nklużi l-esperjenzi li għaddew f’dawn is-sentejn.
6. L-emendi tal-liġijiet għandhom jirriflettu l-proċeduri u l-ħtiġijiet ta’ min qiegħed fin-negozju.
“Fuq kollox irridu naraw li jkollna regolamentazzjoni li tiżgura l-kwalita’ tal-prodotti tagħna u s-sigurta’ tal-konsumaturi, filwaqt li tgħin lill-imprendituri tagħna fix-xogħol tagħhom,” temm is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958