Left arrow Go Back

Diskors mill-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, fit-tnedija ta’ L-Ewwel Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għas-Saħħa u Kura fit-Tul – Proċess ta’ Konsultazzjoni – San Giljan – 16 Mejju 2006

pr0717
Date Icon 16/05/2006

Mistednin distinti, għeżież sinjuri, 

Huwa verament ta’ pjaċir għalija li nkun hawnhekk magħkom fl-għeluq ta’ din il-konferenza konsultattiva dwar il-pjan nazzjonali għas-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul. Smajt b’interess kbir id-diversi kontribuzzjonijiet  mir-rapporteurs u b’hekk stajt nieħu ħjiel tajjeb tal-proposti validi li ħarġu minn din il-ġurnata intensiva ta’ djalogu. Għaldaqstant, inħoss li huwa xieraq li nibda billi nirringrazzja minn qalbi lilkom ilkoll tal-parteċipazzjoni attiva tagħkom f’din il-konferenza tassew importanti għall-ġejjieni ta’ dawn iż-żewġ setturi kruċjali għal pajjiżna, u rrid ukoll nirringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom fil-Focus Groups.

Jidher ċar li bil-maturità li kisbet is-soċjetà ċivili Maltija, dan it-tip ta’ proċess ta’ djalogu għandu jsir wieħed mill-istrumenti ewlenin li bihom titħaddem il-politika f’ pajjiżna.  

Jiena kont preżenti meta f’laqgħa interministerjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea ġiet diskussa l-estensjoni ta’ l-hekk imsejjaħ ‘Open Method of Coordination’ lis-setturi tas-saħħa u l-kura fit-tul. Fil-qasam soċjali, dan il-metodu beda jintuża b’ riżultati sodisfaċenti għall-Istati Memberi ta’ l-Unjoni Ewropea. Issa nħass il-bżonn li l-oqsma tas-saħħa u tal-kura fit-tul jibbenifikaw mill-istess metodu. Dan mhux sempliċiment għaliex il-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea kollha qegħdin jiffaċċjaw l-istess sfidi f’dawn l-oqsma iżda wkoll għax inħasset il-ħtiega li s-soluzzjonijiet għal dawn il-problemi jibdew jinħmew b’mod koordinat fuq livell Ewropew. 

L-isfida prinċipali li s-sistemi tas-saħħa u tal-kura fit-tul tal-pajjiżi Ewropej għandhom quddiemhom, hija bla dubju kkawżata miż-żieda mgħaġġla fin-numru ta’ anzjani. Dan il-fenomenu demografiku qiegħed ipoġġi sfidi kbar mhux biss fuq il-finanzi tal-pajjiż iżda wkoll fuq ir-riżorsi umani li jħaddmuha. Miċ-ċensiment lokali li għadu kif intemm, jirriżulta li 13.7% mill-popolazzjoni Maltija għandha ‘l fuq minn 65 sena, żieda ta’ aktar minn 2% fuq il-perċentwali ta’ għaxar snin ilu. Sa nofs is-seklu preżenti, il-popolazzjoni anzjana Maltija hija mistennija li taqbeż l-għatba ta’ l-20%.  

Dan l-andament demografiku m’għandux biss ifakkarna fil-bżonn li nżidu l-offerta ta’ servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul biex nilqgħu għaż-żieda fid-domanda, iżda għandu wkoll jiftħilna għajnejna għall-ħtieġa li s-servizzi jiġu mfassla skond l-esiġenzi ta’ l-anzjani. L-pożizzjoni ta’ l-anzjani fi ħdan is-sistema tas-saħħa tmur lil hinn mill-hekk imsejħa ‘bed blockers’ jew mis-‘social cases’ li tant nisimgħu dwarhom. U ppermettuli nirrimarka li hemm bżonn niefqu nagħtu titli lin-nies li jagħmlu użu mis-servizzi tagħna u għandna nħarsu b’lenti ħolistika lejn il-bżonnijiet tal-persuna.  

Minn dak li smajt s’issa, jidher ċar li s-suġġett ta’ l-anzjani kien wieħed prominenti fid-diskussjonijiet li seħħew matul il-ġurnata. Ninsab ċerta li f’ dawn it-taħtidiet ħareġ ċar il-punt li hemm bżonn li nsawwru sistema ta’ kura li ma tkunx maħsuba biss li tipprovdi kura għall-mard akut, iżda li tkun kapaċi tilqa’ għall-ħtiġijiet ta’ numru, li qiegħed dejjem jikber, ta’ anzjani li jbatu minn mard kroniku ieħor, bħal per eżempju d-demenzja.  

Fl-aħħar mill-aħħar, nemmen li l-mira prinċipali tal-gvern fil-qasam tal-kura ta’ l-anzjani għandha tibqa’ tkun dik li, kemm jista’ jkun, l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità u jirċievu l-kura li jeħtieġu f’ darhom. Din m’hix biss hija x-xewqa ta’ kull anzjan u anzjana, iżda għandha tkun il-mira ewlenija tagħna, billi noffru dawk is-servizzi li huma meħtieġa mill-anzjani biex ta’ bilħaqq ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunita’.  

F’dan ir-rigward, huwa tajjeb li ngħarblu l-qagħda preżenti u l-isfidi li għandna quddiema mill-lenti tat-tliet pilastri li fuqhom il-Kummissjoni Ewropea rrakomandat li tinbena l-istrateġija nazzjonali għat-tiġdid tas-sistemi tas-saħħa u l-kura fit-tul, jiġifieri l-aċċessibiltà, il-kwalità u s-sostenibbiltà.  

Irridu nkomplu naħdmu biex intejbu l-aċċessibbiltà tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura fit-tul għall-anzjani. Bil-mod kif qiegħdin nistennew li n-numri ta’ anzjani jiżdiedu, ser ikollna nippjanaw biex inżidu l-kapaċità biex nittrattaw l-anzjani. Dan jgħodd kemm ghal dawk il-proċeduri li jagħmlu użu minnhom l-anzjani kif ukoll mill-faċilitatjiet għal-kura fit-tul. Biex nevitaw sitwazzjonijiet ta’ stennija fit-tul għal ċerti servizzi, rridu nagħmlu żewg affarjiet: irridu nżidu l-kapacità fejn dan jeħtieg li jsir, iżda daqstant ieħor irridu nassiguraw li verament jibbenefikaw mis-servizz dawk li l-aktar għandhom bżonn. 

Aspett ewlieni tal-kura ta’ l-anzjani huwa r-riabilitazzjoni. Anzjan li jimrad jaf idum aktar biex jirkupra minn bniedem ta’ età żgħira. Kien għalhekk li l-Gvern ħa d-decizjoni li jkompli jżid in-numru ta’ sodod għar-riabilitazzjoni permezz ta’ bini ġdid ta’ madwar 250 sodda viċin San Vinċenz de Paul. 

Filwaqt li l-aspett ta’ aċċessibiltà huwa importanti, mhux inqas importanti huwa l-aspett tal-kwalità tas-servizzi li noffru lill-anzjani tagħna. Jeħtieġ li lill-anzjani niggarantulhom livell ta’ kwalità li ma jkunx inferjuri għal dak  li tgawdi minnu l-bqija tal-popolazzjoni. L-anzjan m’ għandu qatt jkun meqjus bħala ċittadin tat-tieni klassi, li jaċċetta kull livell ta’ servizz basta jinqeda. Barra mill-inġustizzja ta’ atteġġjament bħal dan, huwa fatt li aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-anzjani, bħal bqija tal-popolazzjoni, qegħdin dejjem jistennew, u bir-raġjun, servizzi ta’ l-ogħla kwalità. F’dan ir-rigward, nieħu pjaċir ngħid li qegħdin naħdmu fuq qafas legali regolatorju li jiggarantixxi l-kwalità tas-servizzi fid-djar kollha ta’ l-anzjani.  

Ir-responsabiltà tal-gvern m’ hijiex biss li jaqdi lill-anzjani billi joffrilhom servizzi aċċessibbli u ta’ kwalità, iżda hija wkoll li jiżgura li s-sistema li tiġġenera dawn is-servizzi tkun waħda sostenibbli fit-tul. F’dan ir-rigward, l-ikbar sfida ġejja mill-fatt li l-faxxa ta’ nies li l-iktar ser jagħmlu użu mis-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul hija propju dik ta’ l-anzjani. Studji lokali juru li ħafna minn nefqa annwali ta’ l-isptarijiet tal-Gvern hija fuq l-anzjani. Is-sistema preżenti ta’ finanzjament li permezz tagħha anzjani li jidħlu f’dar residenzjali tal-gvern jew fl-isptar San Vincenz de Paul titteħdilhom perċentwali mid-dħul tagħhom, u dawk li jagħmlu użu mis-servizzi ukoll jikkontribwixxu xi ħaġa żgħira, qed jiggarantixxi ċertu livell ta’ sostenibiltà ta’ dawn is-servizzi kruċjali.  

Iżda tajjeb inżommu quddiem għajnejna li għal kull lira li joħorġu l-anzjani, l-Gvern qiegħed joħroġ Lm 4 biex ikun jista’ jiffinanzja s-servizzi li jingħataw fil-komunità u fid-djar residenzjali. U tajjeb li nżommu quddiem għajnejna wkoll li hawn m’aħniex ninkludu l-ispiża ta’ l-isptarijiet fejn studji interni wrew li ħafna min-nefqa ta’ l-isptarijiet tal-Gvern hija fuq l-anzjani.   

Qabel ma nikkonkludi, ippermettuli li nerġa’ nagħmel riflessjoni qasira dwar il-proċess konsultattiv li qiegħed isir mill-Ministeru tagħna. Jien nemmen li din kienet verament opportunità biex aħna nieħdu feedback dwar il-preġiu d-difetti tas-sistema tas-saħħa u l-kura fit-tul kemm minn dawk li ta’ kuljum jipprovdu s-servizzi kif wkoll minn dawk li jużawhom. 

Ippruvajna nagħmlu l-usa’ ftuħ possibbli għad-djalogu mad-diversi stakeholders, u nittama li ma ħallejna lil ħadd barra. U jekk kien il-każ li ħallejna xi nies barra nitolbukom skuża u nistidnukom tinfurmawna għall-ġejjieni. Jidher ċar li kemm fil-focus groups kif ukoll fil-workshops kien hemm parteċipazzjoni attiva u onesta li żgur ser tgħinna nifhmu aħjar x’hemm bżonn isir biex is-sistema tas-saħħa u l-kura fit-tul tibqa’ tissaħħaħ. Nemmen ukoll li dan il-proċess konsultattiv serva biex aħna nsiru nafu aktar mill-qrib ‘l kull min huwa nvolut b’xi mod f’ dawn l-oqsma tant importanti għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin. Din il-viċinanza hija fundamentali biex aħna lkoll niġbdu ħabel wieħed għat-twettiq tar-riformi li hemm bżonn isiru.  

Nassigurawkom li l-idejat u l-esperjenzi kollha li ntom qsamtu magħna f’dawn il-ġimgħat ser jikkontribwixxu għat-tfassil tar-rapport finali li ser jasal fuq il-mejda tal-Kummissjoni Ewropea. Dan ir-rapport ser ikun magħmul minn għadd ta’ rapporti li jittrattaw id-diversi aspetti tas-sigurtà soċjali, u fosthom wkoll is-saħħa u l-kura fit-tul. Qabel ma nagħlaq, ippermettuli infakkarkom li dan il-mument għandu jkun il-bidu ta’ l-isforz kollettiv tagħna lkoll biex nimplimentaw il-bidliet neċessarji biex pajjiżna jkollu sistema tas-saħħa u kura fit-tul iktar moderna, effiċjenti u sostenibbli.  

Ippermettuli nagħlaq billi għal darb’oħra nirringrazzja lil kull min ipparteċipa u b’mod partikolari lil dawk li kienu strumentali biex ikunu organizzati l-focus groups u l-konferenza tal-lum; u lil dawk li x-xogħol tagħhom huwa li dak li ddiskutejna jkun il-bażi ta’ dak li rridu nipplimentaw.   Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow